Darren Carabott jikkundanna kummenti fuq social media li jħeġġuh jagħmel suwiċidju

Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott ikkundanna sensiela ta’ kummenti fuq il-midja soċjali li ħeġġewh jagħmel suwiċidju, filwaqt li appella għal aktar rispett fil-politika.

Darren Carabott qal li l-kummenti offensivi fuq il-midja soċjali jolqtu mhux biss lill-politiċi iżda wkoll lill-familji tagħhom
Darren Carabott qal li l-kummenti offensivi fuq il-midja soċjali jolqtu mhux biss lill-politiċi iżda wkoll lill-familji tagħhom

Id-Deputat Nazzjonalista Darren Carabott ikkundanna sensiela ta’ kummenti fuq il-midja soċjali li ħeġġewh jagħmel suwiċidju wara filmat relatat mal-kampanja elettorali tal-Partit Nazzjonalista.

F’reel fuq Facebook li tella’ nhar l-Erbgħa, Carabott fakkar li “aħna l-politiċi wkoll magħmulin mil-laħam u d-demm, u hekk ukoll il-familji tagħna”, filwaqt li enfasizza li l-familji huma fost dawk l-aktar milquta minn kummenti ta’ dan it-tip.

Il-kummenti dehru taħt filmat li fih Carabott kien qed jitkellem dwar wegħda elettorali tal-PN relatata ma’ spazju pubbliku ġdid fiż-żona tal-pont ta’ Santa Venera.

Diversi kummenti kienu jħeġġuh “jaqbeż” minn fuq il-pont, b’uħud minnhom miktuba b’ton ċajtier.

“Aħsbu qabel tibagħtu messaġġ,” qal Carabott, filwaqt li sostna li minkejja li l-pajjiż jinsab fi żmien politiku intens, “m’hemmx bżonn dan it-tip ta’ diskors”.

Id-deputat appella wkoll lil dawk involuti f’dan it-tip ta’ kummenti sabiex ifittxu l-għajnuna.

“Dan it-tip ta’ bullying mhux aċċettabbli. Mhux waqt elezzjoni u qatt,” qal Carabott.

Il-pożizzjoni tiegħu kienet appoġġjata wkoll mill-avukata u filantropa Sabine Agius Cabourdin.

F’post fuq Facebook, Agius Cabourdin qalet li s-sejħiet għall-mewt ta’ persuna jmorru lil hinn mir-rivalità politika.

Hija sostniet ukoll li kampanji politiċi joħolqu pressjoni kbira fuq il-kandidati tal-partiti kollha.

Agius Cabourdin temmet tappella għal aktar deċenza u umanità fil-politika, filwaqt li fakkret ukoll lil Karl Gouder, l-eks uffiċjal tal-PN li miet is-sena li għaddiet.

More in Kronaka