Residenti tal-Mellieħa jitolbu lill-Gvern jieħu pożizzjoni ċara dwar żvilupp f’Taż-Żnuber

Residenti tal-Mellieħa qed jappellaw lill-Gvern biex jiddikjara b’mod ċar x’se jiġri mill-art pubblika f’Taż-Żnuber hekk kif qed jiġi propost żvilupp residenzjali u guesthouse fiż-żona

Residenti tal-Mellieħa qed jesprimu tħassib dwar il-proposta ta’ żvilupp fuq art li qabel kienet pubblika f’Taż-Żnuber
Residenti tal-Mellieħa qed jesprimu tħassib dwar il-proposta ta’ żvilupp fuq art li qabel kienet pubblika f’Taż-Żnuber

Residenti tal-Mellieħa appellaw lill-Gvern biex jieħu pożizzjoni ċara dwar il-proposta ta’ żvilupp f’Taż-Żnuber, art li sa ftit snin ilu kienet proprjetà tal-Gvern qabel ma ngħatat lil żviluppatur privat.

Fi stqarrija maħruġa nhar l-Erbgħa, il-komunità Melliħija qajmet mistoqsijiet dwar x’se jiġri mill-art fiż-żona ta’ Taż-Żnuber, fejn qed jiġi propost żvilupp li jinkludi guesthouse ta’ 26 kamra flimkien ma’ diversi faċilitajiet oħra u 28 appartament b’garaxxijiet taħt l-art.

Ir-residenti rrimarkaw li minkejja l-oġġezzjonijiet numerużi u petizzjoni mnedija mis-Sindku tal-Mellieħa, il-Gvern baqa’ ma ħax pożizzjoni ċara dwar il-proġett.

Huma sostnew ukoll li residenti li diġà tilfu art pubblika fiż-żona ta’ Mellieħa Heights qed jesprimu frustrazzjoni dwar in-nuqqas ta’ risposta mill-awtoritajiet u qed iwissu dwar problemi serji li jistgħu jinqalgħu jekk il-proġett jitħalla javvanza.

Ir-residenti fakkru wkoll li waqt konferenza tal-aħbarijiet aktar kmieni l-ġimgħa li għaddiet, il-Prim Ministru Robert Abela kien qal li ċerti ftehimiet mal-privat kienu ġew irtirati sabiex l-art tingħata lura lill-pubbliku.

Huma rrimarkaw ukoll li Abela kien sostna fil-passat li art tal-Gvern m’għandhiex tingħata għall-iżvilupp peress li dan imur kontra l-prinċipji politiċi tiegħu.

Il-biċċa art bejn Triq tas-Salib, Triq Salvu Camilleri u Triq Żnuber kienet proprjetà tal-Gvern sal-2022, qabel ma ngħatat lil Roderick Conti ta’ 121 Property Services b’emfitewsi perpetwa għal €151,212 fis-sena.

F’April li għadda, residenti tal-Mellieħa kienu diġà appellaw lill-awtoritajiet biex iwaqqfu l-iżvilupp propost u jħarsu s-siġar eżistenti fiż-żona.

Is-Sindku tal-Mellieħa Gabriel Micallef kien ukoll enfasizza li l-ispazji miftuħa fil-lokalità qed isiru dejjem aktar limitati.

More in Kronaka