27 Perit jingħataw il-warrant hekk kif jitħabbru bidliet fil-karriera fis-servizz pubbliku

Sebgħa u għoxrin Perit ingħataw il-warrant tagħhom waqt ċerimonja uffiċjali fejn tħabbret ukoll riforma ġdida fil-progressjoni tal-karriera għall-Periti fis-servizz pubbliku

Ritratt: DOI
Ritratt: DOI

Sebgħa u għoxrin Perit ingħataw il-warrant tagħhom waqt ċerimonja uffiċjali li rrikonoxxiet il-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom fil-professjoni.

Waqt l-attività, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia ħabbar riforma fil-progressjoni tal-karriera għall-Periti gradwati fis-servizz pubbliku.

Ir-riforma qed tindirizza sitwazzjonijiet fejn Periti kienu qed jistennew diversi xhur wara li jgħaddu mill-eżami tal-warrant qabel jingħataw ir-rikonoxximent professjonali tagħhom.

B’effett immedjat, Graduate Periti fis-servizz pubbliku li jiksbu l-warrant u jieħdu l-ġurament quddiem il-Qorti se jiġu rikonoxxuti u javvanzaw direttament għall-grad ta’ Junior Architect.

Farrugia enfasizza r-rwol importanti tal-Periti fis-soċjetà Maltija, u ddeskrivihom bħala wieħed mill-pilastri ewlenin fl-iżvilupp tal-pajjiż, partikolarment fil-ħolqien ta’ spazji li jtejbu l-kwalità tal-ħajja tal-familji u l-komunitajiet.

Huwa qal li l-warrant mhux biss ċertifikat professjonali iżda wkoll impenn lejn l-integrità, il-kompetenza u r-responsabbiltà lejn il-pubbliku.

Farrugia ħeġġeġ lill-Periti biex dejjem jippromwovu żvilupp sostenibbli u bilanċjat li jirrispetta l-identità u l-karattru tal-pajjiż.

“Kien ta’ unur għalija nara uċuħ mimlijin sodisfazzjon u determinazzjoni fost is-27 Perit li llum irċevew il-warrant tagħhom biex ikomplu javvanzaw fil-karriera professjonali tagħhom,” qal Farrugia.

Huwa żied jgħid li l-messaġġ tiegħu lill-Periti l-ġodda huwa biex “joħolmu, jaħsbu u jiddisinjaw proġetti sostenibbli li jirrispettaw lilhom infushom iżda fuq kollox lis-soċjetà Maltija sabiex il-kwalità f’dak kollu li nagħmlu twassal għal Malta aktar sabiħa u aħjar”.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson tal-Bord tal-Warrants għall-Periti Frank Psaila qal li matul l-aħħar erba’ snin kien hemm 207 Perit li kisbu l-warrant tagħhom, fatt li skontu kompla jsaħħaħ professjoni vitali għall-pajjiż.

More in Kronaka