Momentum jitlob riforma fis-settur tal-kostruzzjoni wara l-inċident fin-Naxxar

Il-partit Momentum esprima tħassib serju wara l-instabbiltà strutturali f’sit ta’ kostruzzjoni fin-Naxxar li wasslet għall-evakwazzjoni ta’ diversi familji li jgħixu fil-qrib

Ritratt: resident
Ritratt: resident

Il-partit Momentum esprima tħassib qawwi wara rapporti dwar instabbiltà strutturali f’sit ta’ żvilupp fin-Naxxar, fejn parti mill-pedamenti ta’ bini taħt kostruzzjoni ċediet u wasslet biex diversi familji fil-viċinanzi ġew evacuati.

Residenti li jgħixu qrib is-sit, li qabel kien barriera, irrappurtaw kollass parzjali ta’ ħajt ta’ sostenn dejjaq.

Wara biża’ ta’ kollass aktar estensiv tal-istruttura, l-Awtorità għall-Bini u l-Kostruzzjoni (BCA) ordnat waqfien immedjat tax-xogħlijiet kollha fuq is-sit.

Fi stqarrija maħruġa nhar il-Ġimgħa, Momentum talab għal riforma komprensiva tas-sistema tal-ippjanar u l-infurzar fis-settur tal-kostruzzjoni.

Il-partit qal li Malta għandha bżonn “filosofija ġdida tal-ippjanar” ibbażata fuq is-sigurtà u r-rispett lejn il-komunitajiet, minflok fuq “l-overdevelopment akkost ta’ kollox”.

Momentum talab ukoll għal investigazzjoni indipendenti sħiħa dwar l-inċident, flimkien mal-pubblikazzjoni immedjata tar-rapporti kollha tal-ispezzjonijiet, risk assessments u azzjonijiet ta’ infurzar relatati mas-sit.

Il-partit sostna li l-awtoritajiet regolatorji għandhom jaġixxu qabel iseħħu l-inċidenti u mhux biss wara li r-residenti jqajmu allarm.

Momentum qed jipproponi wkoll li assessments ġeoloġiċi u strutturali jsiru obbligatorji għal proġetti ta’ skavar fuq skala kbira qabel jinħarġu l-permessi.

Barra minn hekk, il-partit talab għal aktar accountability minn developers, kuntratturi, periti u awtoritajiet responsabbli mill-infurzar u s-superviżjoni.

Momentum qal li dan l-inċident huwa “tfakkira oħra allarmanti” li s-settur tal-kostruzzjoni f’Malta għadu jopera f’kultura fejn żvilupp eċċessiv, infurzar dgħajjef u safeguards inadegwati qed ipoġġu lir-residenti u lill-ħaddiema f’riskju.

“Każijiet bħal dawn m’għadhomx eċċezzjoni iżolata iżda parti minn mudell usa’ marbut ma’ overdevelopment li falla lir-residenti ta’ Malta u Għawdex,” qal il-Kap ta’ Momentum Arnold Cassola.

Huwa żied li l-pajjiż ma jistax ikompli jinnormalizza evakwazzjonijiet ta’ emerġenza, strutturi li jċedu u prattiċi ta’ skavar perikolużi bħala “prezz aċċettabbli tal-attività ekonomika”.

Momentum sostna li s-sigurtà pubblika għandha dejjem tingħata prijorità fuq żvilupp spekulattiv u pjani ta’ kostruzzjoni bla kontroll.

Il-partit qal ukoll li qed jesprimi solidarjetà mar-residenti affettwati u appella lill-Gvern biex jittratta l-każ bħala wake-up call għal riforma tant mistennija fis-settur tal-kostruzzjoni.

More in Kronaka