Repubblika tikkritika lill-Ispeaker talli ċanfar ċittadin li sejjaħ deputat ‘buffu’

L-għaqda tisħaq li l-Parlament mhuwiex qorti biex tiġġudika liċ-ċittadini li jikkritikaw lid-deputati u twissi dwar il-konsegwenzi fuq il-libertà tal-espressjoni

L-għaqda Repubblika kkritikat lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, Carmelo Abela, talli ċanfar pubblikament lil Joseph Farrugia dwar kumment li għamel fuq il-midja soċjali fil-konfront tad-Deputat Laburista Nigel Vella, minkejja li ddeċieda li ma kien seħħ ebda ksur ta’ privileġġ parlamentari.

Fi stqarrija, l-għaqda laqgħet id-deċiżjoni li Farrugia ma kien kiser ebda privileġġ parlamentari meta sejjaħ lil Vella “buffu”, iżda esprimiet tħassib dwar il-fatt li l-Ispeaker xorta għadda kummenti dwar il-lingwaġġ użat miċ-ċittadin u l-mod kif in-nies għandhom jesprimu ruħhom fuq il-midja soċjali.

Skont Repubblika, kien ikun ta’ għaġeb kieku f’pajjiż demokratiku ċittadin jinstab li kiser privileġġ parlamentari sempliċement għax iddeskriva deputat bħala buffu.

“Allaħares id-deputati kellhom privileġġ li ħadd ma jista’ jsejħilhom buffi, filwaqt li huma jistgħu jikkritikaw u jinsulentaw lil min iridu,” sostniet l-għaqda.

Repubblika staqsiet fuq liema bażi l-Ispeaker ħass li kellu jiċanfar lil Farrugia, meta dan la kien akkużat bi ksur ta’ liġi u lanqas instab li kiser xi privileġġ parlamentari.

L-għaqda spjegat li l-privileġġi parlamentari għandhom l-għan li jipproteġu lid-deputati minn theddid, intimidazzjoni jew ritaljazzjoni li jistgħu jfixkluhom milli jwettqu dmirijiethom, u mhux biex ipoġġuhom f’pożizzjoni superjuri għaċ-ċittadini jew jipproteġuhom mill-kritika u s-sarkażmu.

Twissija dwar il-libertà tal-espressjoni

Repubblika sostniet li l-każ imur lil hinn minn sempliċi tilwima bejn deputat u ċittadin, għaliex membru parlamentari uża l-proċeduri tal-Parlament biex jitlob ġudizzju dwar opinjoni espressa minn persuna privata.

L-għaqda argumentat li, minkejja li l-ilment ta’ Vella ġie miċħud, Farrugia xorta rċieva ċanfira pubblika mill-Ispeaker mingħajr ma ngħata l-opportunità jiddefendi ruħu quddiemu.

Skont Repubblika, dan jista’ joħloq preċedent inkwetanti, fejn iċ-ċittadini jibdew jibżgħu jikkritikaw jew jirredikolaw lid-deputati minħabba l-possibbiltà li jispiċċaw jissemmew fil-Parlament u jkunu suġġetti għal proċeduri dwar ksur ta’ privileġġ.

“Il-Parlament għandu jkun il-post fejn jinstema’ leħen il-poplu, mhux fejn il-poplu jitqiegħed fuq il-bank tal-akkużati talli tkellem,” saħqet l-għaqda.

Hija insistiet li filwaqt li d-deputati għandhom kull dritt jagħmlu mistoqsijiet parlamentari, iċ-ċittadini għandhom ukoll id-dritt jikkritikaw ir-raġunijiet wara dawk il-mistoqsijiet u jesprimu l-opinjonijiet tagħhom dwar l-imġiba tar-rappreżentanti eletti, anke jekk il-lingwaġġ tagħhom jitqies offensiv.

Tifkira tal-attakki kontra Joseph Farrugia

Fl-istqarrija tagħha, Repubblika fakkret ukoll fl-attakki u fl-intimidazzjoni li, skontha, ġarrab Joseph Farrugia wara li ddeċieda li jirritorna l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika bħala att ta’ kuxjenza.

L-għaqda qalet li din il-kontroversja tkompli turi l-importanza li dawk li għandhom poter pubbliku ma jużawhx biex jintimidaw lil min jikkritikahom.

Filwaqt li sostniet li ma tantx tistenna aħjar minn Nigel Vella, Repubblika qalet li għandha aspettattivi ferm ogħla mill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati.

“L-Ispeaker mhux hemm biex jipproteġi s-sensittività tad-deputati. Qiegħed hemm biex iħares id-dinjità tal-Parlament,” qalet l-għaqda.

Repubblika temmet billi saħqet li f’demokrazija huma d-deputati li għandhom jagħtu kont liċ-ċittadini, u mhux iċ-ċittadini li għandhom iwieġbu quddiem id-deputati għall-opinjonijiet tagħhom.

More in Kronaka