Il-kaċċa fir-rebbiegħa, is-saga li ma tintemm qatt
Minkejja sentenza ċara tal-Qorti Ewropea li sabet lil Malta ħatja, il-prattika tal-kaċċa fir-rebbiegħa tibqa’ għaddejja sena wara sena permezz ta’ derogi kontroversjali — b’kritika dejjem tikber dwar nuqqas ta’ infurzar, pressjoni politika u theddida kontinwa għall-għasafar migratorji
minn Staff Reporter
Erġajna f’nofs staġun ieħor ta’ kaċċa fir-rebbiegħa. Dis-sena l-istaġun fetaħ fit-13 ta’ April u jagħlaq fit-3 ta’ Mejju. Il-kaċċa fir-rebbiegħa hija illegali mal-Unjoni Ewropea (UE) kollha sakemm ma jkunx hemm ġustifikazzjonijiet ċari.
Hemm min jaħseb li derogi mil-liġijiet tal-UE ‘jingħataw’ mill-Kummissjoni Ewropea (KE) jew xi istituzzjoni oħra tal-UE. Fil-fatt huwa l-istat membru li jiddikjara deroga, li jrid jiġġustifka u juri li tagħmel sens. Il-gvern Malti juża l-mekkaniżmu tad-derogi biex ikompli jtawwal kemm jista’ jkun il-ħajja tal-prattika tal-kaċċa fir-rebbiegħa.
Ngħiduha kif inhi, tant jieħdu tul il-proċeduri fl-UE, li din it-tattika hija faċli u effettiva.
Fil-fatt, minkejja sentenza tal-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Settembru tal-2009, il-gvern Malti, wieħed wara l-ieħor, xorta waħda kull sena japplika deroga billi jivvinta raġunijiet differenti kull darba biex iħalli kollox għaddej kif inhu.
X’kien il-każ u x’qalet is-sentenza tal-Qorti?
Il-KE ħadet lill-gvern ta’ Malta l-Qorti għax il-gvern jippermetti l-kaċċa fir-rebbiegħa fuq għasafar migratorji. L-għasafar migratorji huma meqjusa bħala wirt komuni naturali Ewropew.
Il-KE sostniet li deroga mid-Direttiva 2009/147/EC fuq il-konservazzjoni tal-għasafar suppost hija biss eċċezzjoni legali li tippermetti kaċċa f’ċirkostanzi speċjali. Skont il-KE dawn iċ-ċirkostanzi speċjali ma kinux jeżistu u r-raġunijiet li ta l-gvern Malti għall-applikazzjoni tad-deroga ma kinux aċċettabbli.
Il-Qorti ddeċidiet li Malta kisret il-liġi għax kien hemm alternattiva għall-kaċċa fir-rebbiegħa, jiġifieri l-kaċċa fil-ħarifa. Sostniet li r-rebbiegħa hija żmien sensittiv għar-riproduzzjoni tal-għasafar.
Għalhekk mhix permessa mid-direttiva dwar l-għasafar. Il-gvern Malti kellu jwaqqaf il-kaċċa fir-rebbiegħa fil-forma prattikata qabel is-sentenza. Il-Qorti saħqet ukoll li d-derogi jridu jkunu limitati ħafna, mhux jintużaw bħala paraventu biex jiksru l-ispirtu tad-direttivi, f’dal-każ il-konservazzjoni tal-għasafar tal-passa.
Wara s-sentenza
Wara din is-sentenza, il-gvern biddel il-liġijiet biex jipprova juri li l-kaċċa fir-rebbiegħa hija limitata u l-monitoraġġ huwa aktar strett.
Fl-2010 l-gvern applika deroga li kienet tinkludi staġun iqsar, introduċa l-kwoti, jiġifieri limitu fuq in-numru ta’ għasafar li jistgħu jinqatlu, flimkien ma’ sistema ta’ rappurtaġġ tal-qabda. Kien attentat biex il-prattika tal-kaċċa fir-rebbiegħa tibqa’ għaddejja.
Fl-2012 l-ispeċi li setgħu jiġu kkaċċjati ġew limitati għas-summien u l-gamiem.
Fl-2015 sar referendum biex tinqata’ l-kaċċa fir-rebbiegħa li ntrebaħ bi żbrixx mill-kaċċaturi. Il-Prim Ministru Joseph Muscat prattikament ordna lill-partitarji tiegħu stess jivvutaw favur il-kaċċaturi.
Jibqa’ l-fatt iżda li Malta xorta għandha l-obbligu li ssegwi d-direttivi Ewropej.
Għalkemm il-KE baqgħet issegwi s-sitwazzjoni f’Malta, s’issa għadha ma eskalatx il-kwistjoni quddiem il-Qorti Ewropea.
Sadattant il-gvern jiġġustifika l-prattika permezz ta’ studji xjentifiċi bbażati fuq ir-rappurtaġġ tal-kaċċaturi stess, u raġunijiet imġebbda aktar mil-lasktu.
Paraventu għall-kaċċa fuq kulma jtir
Din is-sena il-Kumitat Ornis, li jiddeċiedi dwar l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa, reġa’ ddeċieda li jiftaħ l-istaġun. Il-maġġoranza tal-kumitat huwa magħmul minn persuni impjegati mill-gvern jew minn aġenziji tal-gvern. Il-membri l-oħra ġejjin milll-FKNK u l-Birdlife.
Ħarsa lejn kif jittieħdu d-deċiżjonijiet huwa ċar li hemm pressjoni jew istruzzjonijiet biex jiġu aġevolati l-kaċċaturi. Birdlife tenniet li l-maġġoranza tal-kumitat għal darb’oħra għażel li jimxi mar-rieda politika minflok ma jibbaża d-deċiżjonijiet tiegħu fuq evidenza xjentifika u l-ħtiġijiet tal-konservazzjoni.
Data xjentifika turi b’mod ċar tnaqqis kontinwu fil-popolazzjoni tal-gamiema. Din is-sena l-proposta biex jerġa’ jiddaħħal moratorju fuq il-kaċċa fir-rebbiegħa tal-gamiema ġiet miċħuda, b’erba’ voti kontra, vot wieħed favur (BirdLife Malta), filwaqt li l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA) astjeniet. L-aġenzija tal-gvern li suppost tħares il-fawna għażlet li toqgħod gallarija.
Minn osservazzjonijiet ta’ voluntiera jidher ukoll li bħal snin oħra l-istaġun tal-kaċċa fir-rebbiegħa jintuża bħala paraventu biex jiġu kkaċċjati illegalment għasafar tal-passa, ikunu xi jkunu. Fost oħrajn, f’April qatgħa rari ta’ erba’ grawwiet li niżlu f’Delimara sfaw fil-mira tal-kaċċaturi.
F’każ ieħor żewġ ċikonji suwed sfaw fil-mira tal-kaċċaturi fiż-żona bejn Ħaż-Żebbuġ u s-Siġġiewi. Bagħdan aħmar u Spanjulett – it-tnejn feruti – inġabru minn Wied is-Sewda bejn Ħal Qormi, Ħaż-Żebbuġ u Ħ’Attard, u Spanjulett li nġabar mill-pulizija. Ġew irrappurtati wkoll każi ta’ tiri sparati fuq astuni suwed fin-Nadur.
Dawn huma biss xi każijiet osservati minn voluntiera. L-infurzar jibqa’ żgur problema enormi. Il-pulizija tal-protezzjoni tal-ambjent hija limitata ħafna, u żgur impossibbli jlaħħqu mal-madwar 10,000 kaċċatur mifruxin fil-kampanja, biex ma nsemmix l-insib. Malta suppost hija obbligata bil-liġi tagħha stess li tħaddem seba’ uffiċjali tal-infurzar għal kull 1,000 liċenzja attiva matul il-perjodu tad-deroga tal-kaċċa fir-rebbiegħa.
Nisimgħu ħafna kliem sabiħ dwar x’jagħmilna Maltin u dwar il-wirt tagħna bħala Maltin. Imma milli jidher l-ambjent naturali, l-isbuħija tan-natura u l-flora u l-fawna li jżejnu lil dan il-pajjiż żgħir f’nofs ta’ baħar ma jitqisux bħala parti integrali mill-wirt tagħna.
