In-numru ta’ rapporti ta’ ħsarat relatati mal-isplużjoni fil-fabbrika tan-nar Ta’ Lourdes fis-Salini tela’ għal aktar minn 300 fiż-żona ta’ madwar żewġ kilometri mis-sit tal-isplużjoni.
Sorsi qrib l-investigazzjoni qalu li l-ħsarat irrappurtati lill-pulizija jvarjaw minn twieqi u aperturi miksura sa ħsarat strutturali f’residenzi privati, vetturi u proprjetajiet agrikoli.
L-istess sorsi indikaw li madwar 90 bidwi u raħħal, li bejniethom għandhom madwar 200 biċċa art, intlaqtu b’xi mod jew ieħor mill-effetti tal-isplużjoni.
Intant, l-Awtorità għall-Istandards tas-Sigurtà tal-Ikel (FSSA) qed twettaq diversi testijiet fuq il-ħamrija, l-art agrikola u l-prodotti agrikoli biex tivverifika li dawn għadhom sikuri għall-konsum u għall-użu bħala għalf għall-annimali.
Razza li tinsab viċin il-fabbrika tilfet numru ta’ baqar kawża tal-isplużjoni, filwaqt li l-produzzjoni tal-ħalib ġiet sospiża sakemm jitlestew il-verifiki meħtieġa mill-awtorità.
Fl-istess waqt, l-inkjesta maġisterjali mmexxija mill-Maġistrat Joe Mifsud għadha għaddejja. Membri tat-Taqsima Forensika tal-Pulizija u esperti tal-isplussivi mill-Forzi Armati ta’ Malta ilhom għal diversi jiem jaħdmu fuq il-post sabiex janalizzaw ix-xena u jassiguraw li ż-żona tkun sigura.
Il-Maġistrat Mifsud żar is-sit aktar kmieni illum fejn iltaqa’ mal-esperti maħtura mill-Qorti u ngħata rendikont tax-xogħol li qed isir. Minkejja li għaddew diversi jiem mill-isplużjoni, iż-żona għadha mimlija biċċiet ta’ fdalijiet mifruxa mal-madwar, filwaqt li mill-fabbrika ftit li xejn baqa’ wieqaf.
L-esperti qed jużaw ukoll drones biex jispezzjonaw il-post fid-dettall u jidentifikaw kwalunkwe riskju li jista’ għadu jeżisti għall-uffiċjali u għall-bdiewa li jaħdmu fl-inħawi.
Skont is-sorsi, l-investigazzjoni qed teżamina kull aspett possibbli sabiex tiddetermina mhux biss il-kawża tal-isplużjoni, iżda wkoll kif kienet qed topera l-fabbrika fil-mument tal-inċident.
Il-Prim Ministru Robert Abela qal li huwa lest jippubblika r-riżultati tal-inkjesta jekk il-Maġistrat jagħmel rakkomandazzjoni f’dan is-sens.
L-isplużjoni seħħet fl-1 ta’ Ġunju għall-ħabta tas-6:30am fil-fabbrika Ta’ Lourdes li tinsab fi Triq il-Qadi, wara l-Bird Park fis-Salini. L-isplużjoni qawwija nstemat minn diversi lokalitajiet u kkawża ħsarat f’bosta bini fiż-żoni tal-madwar.
Żewġ persuni li ma kellhom l-ebda konnessjoni mal-fabbrika u li kienu qed jaħdmu f’għelieqi fil-qrib sofrew ġrieħi ħfief kawża tal-isplużjoni.