L-aċċess għal St Peter’s Pool reġa’ ngħalaq temporanjament hekk kif id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ħa miżuri ta’ sigurtà wara tħassib dwar l-istabbiltà tal-irdumijiet fiż-żona ta’ Delimara.
Fi stqarrija maħruġa nhar il-Ħamis, id-dipartiment qal li installa barrieri temporanji u għalaq partijiet mill-kosta wara li sezzjonijiet tal-blat ġew identifikati bħala riskju potenzjali għall-pubbliku.
L-istqarrija saret wara rapporti u ritratti li ċċirkolaw fuq il-midja soċjali u fil-media lokali li juru qasma kbira fl-irdum tul il-kosta tal-Kalanka tal-Qadi, qrib il-popolari St Peter’s Pool.
Skont id-dipartiment, l-aċċess kien diġà ġie limitat wara li parti mill-irdum kienet ċediet, filwaqt li ġie nnutat li l-formazzjoni tal-blat f’din iż-żona hija instabbli u tista’ toħloq periklu serju għas-sigurtà tan-nies.
Id-dipartiment qal ukoll li ftit wara li kienet ittieħdet id-deċiżjoni li jingħalaq l-aċċess, persuna li allegatament qed titlob sjieda fuq iż-żona fetħet proċeduri legali kontra d-dipartiment minħabba ċ-ċint u l-grada li kienu ġew installati.
Ritratti meħuda minn viżitatur regolari taż-żona juru qasma estensiva li tinżel mill-parti ta’ fuq tal-irdum sal-qiegħ tiegħu, b’biża’ li biċċa kbira blat tista’ tinqala’ u taqa’ fuq iż-żona fejn normalment jinġabru l-għawwiema u dawk li jieħdu x-xemx.
Qabel ma ġie magħluq l-aċċess, kienu għadhom jidhru persuni jużaw iż-żona taħt il-parti milquta tal-irdum minkejja n-nuqqas ta’ twissijiet jew barriera viżibbli.
Id-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi sostna li se jkompli jieħu l-passi kollha meħtieġa biex iħares is-sigurtà tal-pubbliku.
St Peter’s Pool huwa wieħed mill-aktar siti popolari għall-għawm fin-naħa t’isfel ta’ Malta, u matul ix-xhur tas-sajf jiġbed eluf ta’ residenti u turisti li jżuruh bil-karozza, bil-mixi jew permezz ta’ dgħajjes li jitilqu minn Marsaxlokk.
L-irdumijiet fiż-żona huma magħmula minn ġebla tal-franka ratba li maż-żmien tiddeterjora minħabba l-effetti tar-riħ, ix-xita u l-ilma baħar. Ritratti juru wkoll diversi blat kbir fil-qiegħ tal-irdum, indikazzjoni li waqgħat ta’ blat seħħew ukoll fil-passat.
L-inċident ifakkar ukoll fit-traġedja li seħħet fl-2024 meta Mirabelle Falzon, mara ta’ 22 sena mis-Siġġiewi, tilfet ħajjitha wara li ntlaqtet minn blat li ċeda minn irdum fiż-żona tal-Munxar qrib il-Bajja ta’ San Tumas f’Marsaskala.