Jayana Chircop, studenta ta’ 11-il sena li tattendi l-Iskola Primarja tar-Rabat fi ħdan il-Kulleġġ San Nikola, ġiet magħżula bħala r-rebbieħa tal-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija għall-2026.
Jayana hija magħrufa għall-qalb tajba u l-ġenerożità tagħha lejn sħabha, b’mod speċjali lejn Cataleya Borg, tifla fil-klassi tagħha li teħtieġ għajnuna biex tkun tista’ tipparteċipa b’mod sħiħ fl-attivitajiet tal-iskola.
L-amministrazzjoni tal-iskola qalet li Jayana tagħti l-appoġġ tagħha lil Cataleya b’mod naturali u kostanti, filwaqt li tgħinha tħossok milqugħa u parti integrali mill-klassi daqs il-bqija tal-istudenti.
Meta jiġu organizzati attivitajiet u okkażjonijiet speċjali mill-iskola, Jayana tagħmel minn kollox biex Cataleya tkun tista’ tieħu sehem u tgawdi l-esperjenza flimkien ma’ sħabha. Dan, skont l-iskola, jgħin biex Cataleya tħossha apprezzata, inkluża u maħbuba.
L-imġiba ta’ Jayana ġiet spjegata bħala eżempju ċar ta’ kif wieħed għandu juri mħabba u solidarjetà lejn l-oħrajn, speċjalment meta dawn ikunu għaddejjin minn sfidi u diffikultajiet.
Għal dawn ir-raġunijiet, l-amministrazzjoni tal-Iskola Primarja tar-Rabat innominat lil Jayana Chircop għall-Premju Papa Ġwanni XXIII għat-Tjubija, li finalment ingħatalha bħala rikonoxximent għall-valuri u l-atteġġjament pożittiv tagħha lejn l-oħrajn.
Il-premju huwa organizzat mil-Laboratorju tal-Paċi u għandu l-għan li jirrikonoxxi persuni li permezz tal-azzjonijiet tagħhom jagħtu eżempju ta’ tjubija, solidarjetà u rispett lejn il-proxxmu.