Ix-xogħlijiet fuq il-proġett tal-villaġ tal-karnival li issa qed jiġi żviluppat bħala parti minn “Culture Hub”, jinsabu għaddejjin, iżda għad ma tħabbritx data meta dan se jkun lest biex jintuża.
Dan ħareġ minn tweġiba parlamentari tal-Ministru għall-Kultura, l-Artijiet u l-Gvern Lokali Owen Bonnici, wara mistoqsija tal-Onor. Graziella Attard Previ li talbet rendikont dettaljat dwar l-istat tal-proġett, inkluż min huwa l-kuntrattur u jekk il-kuntratt ingħatax b’direct order.
Fil-parlament, Bonnici spjega li l-proġett jifforma parti minn “Culture Hub” usa’, li se jinkludi wkoll imħażen għall-parteċipanti tal-karnival flimkien ma’ faċilitajiet oħra relatati mal-attivitajiet kulturali.
Il-Ministru qal li diġà ngħata l-ewwel kuntratt relatat max-xogħlijiet inizjali — jiġifieri l-iskavar, it-tħammil u l-piling — wara sejħa pubblika li saret skont ir-regoli u l-proċeduri tax-xiri pubbliku. Dan jindika li l-kuntratt ma ngħatax b’direct order, iżda permezz ta’ tender kompetittiv.
Skont l-informazzjoni mogħtija, ix-xogħlijiet fuq is-sit diġà avvanzaw b’mod konkret. L-istrutturi kollha li kien hemm fuq il-post ġew demoliti, filwaqt li beda wkoll l-ewwel stadju ta’ tħammil u skavar.
Il-fażijiet li jmiss se jinkludu xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, segwiti minn finitura u installazzjonijiet elettriċi, kollha skont il-proċeduri tal-procurement.
Minkejja dan il-progress, il-Ministru ma indikax data speċifika meta l-proġett mistenni jitlesta jew jinfetaħ għall-użu tal-pubbliku u tal-parteċipanti tal-karnival.
Il-proġett huwa wkoll marbut ma’ fondi Ewropej, fatt li jfisser li għandu jsegwi skadenzi u rekwiżiti speċifiċi imposti mill-finanzjament tal-UE.
Il-villaġ tal-karnival ilu jitqies bħala proġett importanti għall-industrija kulturali u kreattiva, b’mod partikolari għall-komunità tal-karnival li ilha tisħaq fuq il-bżonn ta’ spazji adegwati u moderni biex isiru l-preparamenti u l-ħażna tal-karrijiet u kostumi.
Madankollu, in-nuqqas ta’ timeline ċara dwar meta se jitlesta jista’ jkompli jqajjem mistoqsijiet dwar kemm dan il-proġett se jkun lest fil-ħin biex jilqa’ l-bżonnijiet tal-parteċipanti fis-snin li ġejjin.