Se jinħareġ tender għal sptar ġdid għall-anzjani f’San Vinċenz de Paul

Proġett ta’ 300 sodda se joffri kura intermedja għall-ewwel darba f’Malta, bħala pont bejn kura fid-dar u sptarijiet akuti

Ritratt:DOI
Ritratt:DOI

Il-Gvern ħabbar li nħareġ tender għall-iżvilupp ta’ sptar ġdid Sir Temi Zammit għall-anzjani fi ħdan St. Vincent De Paul Residence, kif ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela.

Il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela spjega li dan il-proġett se jinkludi 300 sodda u se jservi bħala pont bejn il-kura fid-dar u dik offruta fi sptarijiet akuti għall-anzjani f’Malta.

Hu żied li dan se jkun l-ewwel sptar fil-pajjiż li jiffoka fuq kura intermedja, li tgħin lill-pazjenti jirkupraw qabel ma jerġgħu lura għall-ħajja normali tagħhom.

Il-Prim Ministru enfasizza wkoll li s-settur privat jibqa’ sieħeb strateġiku fil-provvista ta’ servizzi ta’ kwalità għall-anzjani, filwaqt li nnota li diġà hemm tliet djar tal-istat li huma mmexxija minn organizzazzjonijiet privati.

Min-naħa tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva Malcolm Paul Agius Galea qal li St. Vincent De Paul Residence diġà qed toffri servizzi ta’ kwalità li jgħinu lill-anzjani jirkupraw aktar malajr.

Huwa fakkar li fl-2024 kien beda proġett pilota b’16-il sodda, li mbagħad ġie estiż għal 40 sodda permezz tar-rinnovazzjoni ta’ żewġ swali fil-kumpless Rużar Briffa fl-istess residenza.

More in Kronaka