OHSA tniedi kampanja dwar is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol

Il-kampanja se tiffoka fuq riskji psikosoċjali bħall-piż eċċessiv tax-xogħol, sigħat twal, bullying u fastidju • L-OHSA qed toffri wkoll żewġ korsijiet ta’ taħriġ b’xejn flimkien mar-Richmond Foundation

Ritratt: MIPE
Ritratt: MIPE

L-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol nediet kampanja ġdida biex tqajjem aktar għarfien dwar is-saħħa mentali fuq il-post tax-xogħol.

Il-kampanja tnediet waqt żjara fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, fejn il-Ministru għall-Infrastruttura Jonathan Attard u l-Kap Eżekuttiv tal-OHSA Josianne Cutajar iltaqgħu mal-Kap Eżekuttiv tal-MIA Alan Borg u ċ-Chairman tal-OHSA Pierre Fava.

Waqt iż-żjara ġew diskussi l-prattiċi ta’ saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol fl-ajruport, b’Attard jindika lill-MIA bħala eżempju ta’ prattika tajba fl-integrazzjoni tas-saħħa mentali mal-miżuri tas-saħħa u s-sigurtà.

Il-Ministeru qal li l-kampanja se tiffoka fuq l-identifikazzjoni u t-tnaqqis ta’ riskji psikosoċjali fuq il-post tax-xogħol.

Fost dawn hemm piż tax-xogħol eċċessiv, sigħat twal, komunikazzjoni dgħajfa, bullying u fastidju.

Il-Ministeru fakkar li f’Ottubru 2025 l-OHSA waqqfet Psychology Unit apposta.

Din l-unità twettaq riċerka, tassisti fl-iżvilupp tal-politika, tappoġġja lill-uffiċjali tekniċi waqt spezzjonijiet fuq il-postijiet tax-xogħol u tgħin lill-Awtorità meta jkunu meħtieġa passi ta’ infurzar minħabba ksur ta’ obbligi legali.

Bħala parti mill-aspett edukattiv tal-kampanja, l-OHSA ngħaqdet mar-Richmond Foundation biex toffri żewġ korsijiet ta’ taħriġ b’xejn.

Dawn huma Mental Health First Aid in the Workplace u Prevention of Psychosocial Risks.

Skont il-Ministeru, il-korsijiet huma mmirati lejn min iħaddem, professjonisti tar-riżorsi umani, managers u ħaddiema.

L-għan huwa li jgħinuhom jagħrfu sinjali ta’ diffikultà psikoloġika u jiggwidaw lill-persuni affettwati lejn għajnuna professjonali.

 

More in Kronaka