F’Malta qed tiġi osservata żieda fil-każijiet ta’ mard b’sintomi simili għal dawk tal-influwenza, hekk kif jibda l-istaġun tal-influwenza.
Dan ġie kkonfermat minn kelliem għall-Ministeru għas-Saħħa, li madankollu spjega li l-livelli ta’ mard li qed jiġu rreġistrati bħalissa huma ġeneralment simili għal dawk osservati fl-istess perjodu tas-snin preċedenti.
Il-kelliem qal ukoll li s’issa ma ġiet osservata l-ebda żieda fid-dħul ta’ pazjenti fl-Isptar Mater Dei.
Din ix-xejra qed tiġi osservata fil-bidu tal-istaġun li fih il-viruses respiratorji jibdew jinfirxu aktar, partikolarment hekk kif joqorbu x-xhur tax-xitwa.
Skont iċ-Ċentru Ewropew għall-Prevenzjoni u l-Kontroll tal-Mard (ECDC), l-influwenza staġjonali fl-Emisferu tat-Tramuntana ġeneralment tinfirex bejn Novembru u April.
Madankollu, mhux kull persuna li jkollha sintomi simili għall-influwenza tkun neċessarjament infettata bil-virus tal-influwenza. Dan għaliex diversi viruses respiratorji oħra jistgħu jikkawżaw sintomi simili, fosthom deni, sogħla, uġigħ fil-griżmejn, uġigħ fil-muskoli u għeja.
L-aħħar valutazzjoni tal-ECDC, ippubblikata fid-9 ta’ Ottubru, turi li l-attività tal-influwenza u tal-virus respiratorju sinċizjali (RSV) għadha baxxa fil-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea u taż-Żona Ekonomika Ewropea.
Min-naħa l-oħra, iċ-ċirkolazzjoni tal-COVID-19 qed tiżdied fl-Ewropa, għalkemm l-impatt tagħha fuq id-dħul fl-isptarijiet għadu limitat.
L-ECDC tispjega li l-influwenza tista’ tolqot persuni ta’ kull età, iżda ċerti gruppi għandhom riskju akbar li jiżviluppaw kumplikazzjonijiet serji. Fost dawn hemm l-anzjani, it-tfal żgħar, in-nisa tqal u persuni li jbatu minn kundizzjonijiet mediċi kroniċi.
It-tfal huma wkoll fost dawk li jistgħu jkunu aktar suxxettibbli għall-infezzjoni. Skont l-ECDC, it-tfal taħt it-18-il sena għandhom probabbiltà akbar li jiġu infettati bl-influwenza meta mqabbla mal-adulti, fost l-oħrajn minħabba li għadhom ma żviluppawx l-istess livell ta’ immunità.
Sadanittant, persuna li taħdem bħala childcarer f’ċentru tat-tfal fiċ-ċentru ta’ Malta qalet li fl-aħħar ġimgħat innutat żieda fin-numru ta’ tfal li qed jimirdu.
L-ECDC tfakkar li l-viruses respiratorji jistgħu jinfirxu minn persuna għal oħra permezz tas-sogħla, l-għatis u l-kuntatt ma’ jdejn jew uċuħ ikkontaminati.
Għalhekk, fost il-miżuri rakkomandati biex jitnaqqas it-tixrid tal-infezzjonijiet hemm il-ħasil regolari tal-idejn, ventilazzjoni tajba f’postijiet magħluqa u li persuni li jkunu morda jibqgħu d-dar biex jevitaw li jgħaddu l-infezzjoni lil ħaddieħor.
L-ECDC tenfasizza wkoll l-importanza tat-tilqim staġjonali kontra l-influwenza, partikolarment għal persuni li għandhom riskju akbar ta’ kumplikazzjonijiet.
Il-Ministeru għas-Saħħa qal li se jkompli jsegwi mill-qrib is-sitwazzjoni tal-viruses respiratorji matul ix-xhur tal-ħarifa u tax-xitwa, b’attenzjoni partikolari fuq l-influwenza, il-COVID-19 u l-RSV.