Il-manifattura tas-submarine cable għat-tieni interconnector tal-elettriku bejn Malta u Sqallija tlestiet, hekk kif ix-xogħlijiet fuq diversi partijiet tal-proġett daħlu f’fażi avvanzata.
Il-Ministeru għall-Enerġija qal li l-cable mistenni jitgħabba fuq bastiment mill-faċilità tal-manifattura f’Charleston f’Diċembru, biex wara jibdew ix-xogħlijiet għat-tqegħid tiegħu f’qiegħ il-baħar.
L-aġġornament ingħata waqt żjara fuq il-post f’Ragusa, fejn ġurnalisti ġew infurmati dwar il-progress mill-Interconnect Malta u mill-kuntratturi involuti fil-proġett IC2.
Iż-żjara saret wara t-tifi temporanju tal-ewwel interconnector, IC1, li kien meħtieġ biex isiru xogħlijiet fit-Terminal Station ta’ Ragusa u fuq infrastruttura marbuta mat-tieni interconnector.
Skont il-Ministeru, dawn ix-xogħlijiet qed iressqu l-proġett lejn il-fażi tal-ikkummissjonar.
Wieħed mill-passi li jmiss se jkun it-tħaffir ta’ mina ta’ madwar 300 metru fi Sqallija permezz ta’ Horizontal Directional Drilling.
Il-mina, li se jkollha dijametru ta’ 800 millimetru, se tippermetti li l-cable ta’ taħt il-baħar jingħaqad mal-infrastruttura fuq l-art.
Nexans, il-kumpanija responsabbli mill-manifattura u l-installazzjoni tas-submarine cable, iddeskriviet ix-xogħlijiet tal-HDD bħala fost l-aktar fażijiet tekniċi kritiċi li għad fadal.
Fl-istess waqt, madwar 92% mir-rotta ta’ 21 kilometru tal-cable ta’ vultaġġ għoli taħt l-art fi Sqallija diġà ġiet installata.
SELT S.p.A., li hija responsabbli minn din il-parti tal-proġett, qalet li fadal madwar 1.7 kilometru ta’ cable x’jitqiegħed.
Din il-parti finali se titlesta wara x-xogħlijiet fuq il-mina, biex tkun tista’ ssir il-konnessjoni bejn is-submarine cable u dak fuq l-art.
Il-kumpanija qalet ukoll li minn 21 joint tul ir-rotta, fadal biss sitta x’jitlestew.
Ix-xogħol qed ikompli wkoll fit-Terminal Station ta’ Ragusa, fejn qed titħejja l-infrastruttura meħtieġa biex l-IC2 jiġi integrat fin-network tat-trażmissjoni tal-elettriku Taljan.
Dan jinkludi l-pedamenti għal hybrid switchgear ġdid, trinek għall-cables li se jgħaqqdu l-iswitchgear mar-reactor ta’ 220 kV u infrastruttura addizzjonali għall-protezzjoni kontra n-nar.
Il-Ministru għall-Enerġija Miriam Dalli qalet li l-progress fuq diversi partijiet tal-proġett juri kemm dan huwa wieħed kumpless u ta’ importanza strateġika.
Hija qalet li t-tieni interconnector se jkun parti ewlenija mill-istrateġija tal-enerġija fit-tul ta’ Malta u għandu jsaħħaħ is-sigurtà tal-provvista tal-elettriku, filwaqt li jgħin fit-tranżizzjoni lejn sistema aktar sostenibbli.
Meta jidħol fis-servizz, l-IC2 għandu jirdoppja l-kapaċità ta’ interkonnessjoni elettrika ta’ Malta mal-Ewropa kontinentali.
Iċ-Chairperson Eżekuttiv tal-Enemalta Ryan Fava qal li proġetti bħall-IC2 huma meħtieġa biex tintlaħaq id-domanda dejjem tikber għall-elettriku u biex tiżdied il-flessibbiltà u r-reżiljenza tas-sistema.
Min-naħa tiegħu, iċ-Chairperson ta’ Interconnect Malta Godwin Agius qal li l-progress huwa r-riżultat ta’ snin ta’ ppjanar u koordinazzjoni bejn kuntratturi, operaturi tan-networks, awtoritajiet u istituzzjonijiet Ewropej.
Il-proġett huwa kofinanzjat mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.