Raġel ta’ 28 sena minn Raħal Ġdid ġie arrestat mill-pulizija fi Ġnien Toni Bezzina f’Raħal Ġdid stess fuq pussess aggravat ta’ droga.
Nhar l-Erbgħa filgħodu għall-ħabta tal-10:30am, waqt li uffiċjali tal-pulizija kienu fuq ronda bil-mixi fiż-żona, waqqfu lir-raġel u wettqu tfittxija fuqu. Fuqu nstabet borża tal-karti li kien fiha żewġ pakketti kbar issiġillati mimlijin b’sustanza suspettata li hija fjuri tal-kannabis.
Aktar tard saret tfittxija fir-residenza tiegħu fi Triq Kordin, Raħal Ġdid, fejn instabet aktar sustanza suspettata li hi kannabis suspettata. B’kollox il-pulizija sabu madwar nofs kilogramma sustanza suspettata li hi kannabis. Il-pulizija sabu wkoll oġġetti oħra marbuta mat-traffikar tad-droga.
Ir-raġel mistenni jitressaq il-qorti fil-jiem li ġejjin.