Wara snin sħaħ ta’ proġett rieqed issa saret applikazzjoni ta’ żvilupp ġdida għall-Metropolis. It-tibdil propost fl-applikazzjoni l-ġdida huwa li jsir torri wieħed minflok l-iżvilupp tat-tliet torrijiet li diġà kienu approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar. Il-proposta riveduta titlob approvazzjoni għal torri ta’ madwar 34 sular, li jinkludi lukanda, appartamenti, kif ukoll ħwienet u spazji kummerċjali oħra. Il-proġett jinkludi wkoll parkeġġ taħt l-art.
Is-sit tal-Metropolis li hu mifrux fuq 6,000 metru kwadru bejn Gżira, Ta’ Xbiex u l-Imsida, baqa’ fil-biċċa l-kbira mhux żviluppat minn meta ngħata permess inizjali fl-2009. Minkejja x-xogħol ta’ skavar u l-bini limitat ta’ parkeġġ taħt l-art, il-proġett ilu wieqaf is-snin, u ħall ħofra enormi vojta.
L-applikazzjoni l-ġdida ntefgħet mill-iżviluppatur Galal Ibrahim Husni Bey. Il-proġett hu ddisinjat mill-Perit Edwin Mintoff. Filwaqt li l-għoli tal-bini jibqa’ simili għall-itwal torri approvat qabel, id-disinn ibiddel b’ mod sinifikanti d-distribuzzjoni u l-intensità tal-iżvilupp fuq is-sit u jintroduċi komponent ta’ lukanda mhux inkluż f’permessi preċedenti.
L-Awtorità dwar l-Ambjent u r-riżorsi (ERA) uriet tħassib dwar it-tibdil u talbet aktar studji fuq l-impatt ambjentali. Hija nnotat li l-proġett oriġinali kien għadda minn valutazzjoni tal-impatt ambjentali fl-2007-2008, u issa qed tfittex konferma dwar jekk id-disinn rivedut jbiddilx l-impatti misjuba fir-rapport ta’ tmintax-il sena ilu.
Intant, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali wissiet li d-disinn il-ġdid jista’ jkollu impatt fuq veduti important kulturalment b’ mod partikolari dawk tal-Belt Valletta. Talbet simulazzjonijiet viżwali ta’ kif jidher it-torri minn diversi postijiet fosthom mill-kampus tal-Università ta’ Malta. Is-sit huwa f’kuritur ta’ veduta protetta fejn l-iżvilupp għoli jista’ jiġi ristrett.
Fl-2015 il-prim ministru ta’ dak iż-żmien Joseph Muscat poġġa l-ewwel ġebla tal-proġett tat-torrijiet. Minn dak iż-żmien ‘l hawn kollox baqa’ prattikament kif kien: ħofra enormi bejn Ta’ Xbiex, il-Gżira u l-Imsida. Issa b’din l-applikazzjoni l-ġdida l-proċess se jerġa’ jibda mill-bidu.