Abbuż mifrux fuq ħaddiema barranin fl-industriji tal-kura, kostruzzjoni u tal-ikel

Ħaddiema barranin ma jieħdux dak dovut lilhom, b’irregolaritajiet dwar pagi, leave u COLA

Id-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u tal-Impieg (DIER) indika li hemm irregolaritajiet mifruxa fl-impjiegi f’setturi li jiddependu fuq ħaddiema barranin. L-irregolaritajiet jispikkaw minn min jimpjega couriers li jwasslu l-ikel fid-djar, għal kumpaniji jew negozji fis-setturi tal-kostruzzjoni, kura, ospitalità u tindif, kif ukoll fl-aġenziji tal-impjieg.

Fir-rapport annwali tiegħu għall-2025, id-dipartiment għar-relazzjonijiet industrijali semma abbużi minn negozji li jimpjegaw il-couriers tal-ikel takeaway fosthom  in-nuqqas jħallsu l-allowances tal-COLA, ħaddiema jitħallsu inqas mill-paga minima, nuqqas ta’ ħlas ta’ sahra u bonusijiet tal-gvern, u tnaqqis fil-pagi mingħajr ġustifikazzjoni. Abbużi oħra huma nuqqas li jingħata jum ta’ mistrieħ fil-ġimgħa jew li jiġu applikati r-rati speċjali meta l-impjegati jaħdmu f’jiem ta’ mistrieħ, nuqqas ta’ ħlas għal-leave tal-mard, u nuqqasijiet f’kif jingħata jew ma jingħatax il-leave.

F’setturi oħra bħal dak tal-kura li jimpjegaw carers, il-kostruzzjoni, it-tindif u ġbir ta’ skart, u t-turiżmu u l-ospitalità, abbużi prevalenti kienu każijiet ta’ pagi mhux imħallsa, nuqqas ta’ ħlas ta’ drittijiet relatati ma’ korriment jew leave tal-mard, payslips nieqsa jew mhux korretti, kif ukoll in-nuqqas ta’ kuntratti formali ta’ impjieg. Fis-settur tal-lukandi d-dipartiment sab li saħansitra f’żewġ każijiet, l-uniformijiet tal-ħaddiema kienu qed jitnaqqsu mill-paga tagħhom, għalkemm il-biċċa l-kbira tal-industija joperaw skont il-liġi.

Ħlasijiet dovuti mhux imħallsa jammontaw għal 55% tal-irregolaritajiet kollha rrappurtati lid-DIER. Skont ir-rapport annwali tad-DIER, 625 minn 1,906 irregolarità rrappurtata kienu relatati mal-pagi, filwaqt li 320 każ ieħor kienu jikkonċernaw bonusijiet tal-impjegati u allowances ta’ kull ġimgħa. 112-il każ kienu relatati ma’ kwistjonijiet ta’ sahra. Ir-rapport innota li saru 366 rapport dwar leave annwali, filwaqt li 235 rapport kienu relatati ma’ problemi bil-payslips.

Parti mix-xogħol tad-DIER tinkludi l-investigazzjoni ta’ każijiet ta’ pagi mhux imħallsa u li jordna lill-impjegaturi jħallsu lura lill-ħaddiema tagħhom. Fl-2025, total ta’ €1,389,933.98 f’pagi mhux imħallsa ngħataw lill-impjegati wara l-intervent tad-DIER.

More in Kronaka