Alex Borg jiddefendi VAT ta’ 7% għar-ristoranti, jakkuża lil Clyde Caruana li sejjaħ lis-sidien ''ħallelin''

Il-kap tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg jgħid lil Andrew Azzopardi li ma jridx jara lin-nisa li jagħmlu aborti jiffaċċjaw il-ħabs, iżda jevita l-mistoqsija dwar jekk hux komdu dwar il-fatt li l-abort għadu kriminalizzat

Ritratt: File photo.
Ritratt: File photo.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg iddefenda l-proposta tiegħu li jnaqqas il-VAT għar-ristoranti u l-kjoskijiet, u akkuża lill-Ministru tal-Finanzi li qiegħed jiddeskrivi lir-ristoranti bħala ''ħallelin''.

Borg kien qiegħed jitkellem fuq il-Campus 103.7 ta’ Andrew Azzopardi nhar is-Sibt meta ġie mistoqsi dwar il-proposta tiegħu li jnaqqas il-VAT għar-ristoranti u l-kjoskijiet minn 18% għal 7%.

Nhar il-Ġimgħa, il-Ministru tal-Finanzi Clyde Caruana esprima li huwa xettiku dwar din il-proposta. Huwa qal li l-ispiża ta’ miżura bħal din titla’ sa €140 miljun, u nnota li dan kien eżattament l-istess prezz tat-tnaqqis fit-taxxa tal-gvern fil-baġit tal-2024 u biss €10 miljun inqas min-nefqa attwali ta’ Malta fuq is-sussidji tal-enerġija.

Caruana kkontesta l-fatt li nefqa bħal din tibbenefika biss madwar 3,000 stabbiliment tal-catering, filwaqt li t-tnaqqis fit-taxxa tal-2024 u s-sussidji tal-enerġija bbenefikaw minnha partijiet kbar tal-popolazzjoni.

Borg akkuża lil Caruana li qiegħed jinjora lill-istabbilimenti tal-catering u lill-familji li jmexxuhom.

Fil-programm tas-Sibt, Borg ġie mistoqsi dwar varjetà kbira ta’ suġġetti, inkluż jekk il-Partit Nazzjonalista kienx miftuħ għall-eks Membri Parlamentari Edwin Vassallo u Franco Debono.

Il-kap tal-Partit Nazzjonalista qal li l-fatt li t-tnejn ikunu kandidati għall-elezzjoni ġenerali li ġejja għadu ma ġiex diskuss, iżda insista li l-“partit huwa miftuħ għal kulħadd.”

Borg ġie mistoqsi wkoll dwar l-aħħar stħarriġ ta’ MaltaToday, inkluż wieħed li wera li 8% biss ta’ dawk li wieġbu jemmnu li l-Partit Nazzjonalista se jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

Huwa wieġeb li l-istħarriġ dwar l-intenzjoni tal-vot ipoġġi d-distakk bejn il-partiti fil-marġni ta’ żball, u assigura lill-preżentatur li l-Partit Nazzjoanlista qiegħed jaħdem bla waqfien sabiex jiżgura li jkun lest għall-elezzjoni li jmiss.

Azzopardi staqsa lil Borg dwar in-niċeċ ekonomiċi proposti mill-Partit Nazzjonalista, u huwa wieġeb li l-partit se jħares lejn li jiżgura li l-impjegati ta’ għada jkollhom l-edukazzjoni u l-ħiliet meħtieġa biex jaħdmu fl-ekonomija futura ta’ Malta.

Fost in-niċeċ ekonomiċi li semma kien hemm l-oqsma STEM, l-intelliġenza artifiċjali, l-awtomazzjoni, il-manifattura, is-settur marittimu, u l-inċentivazzjoni għan-nomadi diġitali.

Għal darb'oħra, Borg ġie mistoqsi dwar l-abort u jekk jaqbilx li n-nisa li jagħmlu aborti jiġu suġġetti għal xi forma ta' retribuzzjoni.

Filwaqt li evita li jwieġeb dwar il-kriminalizzazzjoni tal-abort, Borg tenna li ma jridx jara nisa bħal dawn jiffaċċjaw sentenzi ta' ħabs, u li l-Partit Nazzjonalista irid jiddefendi l-ħajja mill-konċepiment sal-mewt.

More in Kronaka