L-aċċess għall-abort f’pajjiżi Ewropej
Dan l-aħħar fl-aħbarijiet smajna dwar petizzjoni dwar l-aċċess għall-abort fl-UE. X’ġara eżatt? X’qalet il-Kummissjoni Ewropea? U x’jgħidu l-liġijiet dwar l-abort madwar l-Ewropa?
minn Staff Reporter
L-inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej hija mod kif ċittadini tal-Unjoni Ewropea (UE) jappellaw lill-Kummissjoni Ewropea (KE) biex tipproponi liġijiet ġodda. Fi ftit kliem hija petizzjoni li ladarba tkun laħqet miljun firma torbot lill-Kummissjoni tiddeċiedi x’azzjoni jidhrilha li għandha tieħu.
Iridu jinġabru miljun firma fi żmien sena b’numru minimu minn tal-anqas seba’ pajjiżi tal-UE. In-numru minimu huwa n-numru ta’ Membri Parlamentari Ewropej (MPE) eletti mill-pajjiż individwali multiplikat bin-numru total ta’ parlamentari. Għal Malta ifisser 4,320 firma – 6 MPE x 720 membri totali fil-Parlament Ewropew. Mill-Ġermanja l-minimu ta’ firem huwa 69,120 – 96 MPE x 720.
Fost l-inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej (IĊE) li laħqu l-miri ta’ ġbir ta’ firem fiż-żmien stipulat, u li għalhekk il-Kumissjoni Ewropea kellha tipprepara risposta għalihom, inkluż smigħ pubbliku fil-Parlament Ewropew (PE) hemm dik li sejħet biex tissaħħaħ id-direttiva dwar il-kwalità tal-ilma tax-xorb, dik dwar il-protezzjoni tan-naħal mill-pestiċidi, u l-inizjattiva li sejħet għall-projbizzjoni tal-pestiċida glyphosate, u biex ikun hemm miri obbligatorji fuq livell tal-UE biex jitnaqqas l-użu tal-pestiċidi.
X’aktarx l-aktar inizjattiva li spiċċat fl-aħbarijiet, speċjalment f’pajjiżi bħal Malta, fejn l-abort tant hu tabù li qajla jiġi diskuss bil-kalma u b’mod matur u fil-fond, hija l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej dwar l-abort “My Voice, My Choice”. Din l-inizjattiva tnediet fl-2024. Il-firem bdew jinġabru f’April tal-istess sena, u sa sena wara nġabru l-firem kollha neċesarji. L-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej “My Voice, My Choice” sejħet lill-Kummissjoni Ewropea (KE) tiżgura aċċess sigur għall-abort bħala servizz tas-saħħa madwar l-UE; u fondi Ewropej biex jingħataw dawn is-servizzi lil ċittadini Ewropej minn stati membri fejn l-abort mhux aċċessibbli u għajnuna biex jivvjaġġaw lejn pajjiżi oħra.
F’Diċembru 2025 il-PE adotta riżoluzzjoni li appoġġjat it-talbiet tal-inizjattiva dwar l-aċċess għall-abort. Fi Frar ta’ din is-sena mbagħad il-KE ħarġet komunikat bil-pożizzjoni tagħha.
Il-KE ma pproponietx liġi ġdida. Lanqas mhija qed timponi liġi waħda dwar is-suġġett fuq l-istati membri. Il-politika dwar is-saħħa tibqa’ kompetenza ta’ kull pajjiż individwalment. Il-KE qalet li kull pajjiż jista’, jekk irid, juża fondi mill-Fond Soċjali Ewropew biex itejjeb l-aċċess għas-servizzi ta’ saħħa riproduttiva inkluż l-abort, skont il-liġijiet tal-pajjiż. M’hemm l-ebda fondi addizzjonali, imma biss kjarifika jew konferma li kull pajjiż jista’ jagħżel hu kif juża l-fondi li diġà ngħatawlu. Is-sinifikat ta’ din il-kjarifika hija li l-KE tqis l-abort bħala parti integrali mill-politika dwar is-saħħa, filwaqt li tħalli f’idejn l-istati membri li jiddeċiedu kif jużaw il-fondi soċjali assenjati lilhom.
Il-liġijiet li jirregolaw l-abort ivarjaw minn pajjiż għal ieħor. Se nagħtu ħarsa lejn il-liġijiet minn dawk l-aktar restrittivi, bħall-Polonja, minn pajjiżi qrib bħall-Italja, Franza u Spanja, u dawk meqjusa bħala aktar liberali bħall-Olanda u l-Iżvezja. Nagħtu ħarsa wkoll lejn ir-Renju Unit. Fatt kurjuż huwa li pajjiżi b’liġijiet aktar liberali mhux neċessarjament ikollhom l-aktar rati għolja ta’ abort. F’din l-analiżi mhux se nidħlu fl-argumenti ta’ x’għandhom ikunu l-parametri li jirregolaw l-abort jew ir-raġunament filosofiku dwar is-suġġett. Dawn inbidlu u żviluppaw anke fil-kuntest storiku u soċjali ta’ kull pajjiż. Iżda ta’ min wieħed jgħid li kuntrarju għal dak li jaħsbu xi wħud, kull pajjiż għandu limiti u kundizzjonijiet li jirregolaw il-proċedura.
L-Iżvezja
Il-proċedura hija parti mis-servizz pubbliku tas-saħħa. Huwa legali fuq talba tal-mara, mingħajr l-ebda tip ta’ ġustifikazzjoni oħra, sa tmintax-il ġimgħa tqala.
Wara tmintax-il ġimgħa jrid jinkiseb permess speċjali f’każijiet li l-fetu ma jkunx żviluppa u f’emerġenza jekk il-ħajja tal-mara tkun f’riskju, u f’xi każijiet estremi oħra. Jekk il-fetu jkun vijabbli, jiġifieri jgħix barra l-ġuf, ma jsirx abort u jekk hemm bżonn ikun hemm twelid normali. 1% tal-aborti kollha jsiru wara tmintax-il ġimgħa.
Ir-rata ta’ abort fl-2024 kienet ta’ 370 kull 1,000 twelid, b’87% isiru qabel it-tmien ġimgħat tqala.
L-Olanda
Meqjusa bħala l-liġi l-aktar liberali fl-UE. Legali fuq talba tal-mara tqila sa tnejn u għoxrin ġimgħa, u f’xi każi sa erbgħa u għoxrin ġimgħa, skont il-vijabilità tal-fetu. Wara erbgħa u għoxrin ġimgħa huwa permess biss f’każi mediċi serji ħafna jekk il-fetu mhux vijabbli u f’każ ta’ periklu ta’ mewt tal-mara.
Minkejja l-limiti li jistgħu jitqiesu bħala wiesgħa, il-biċċa l-kbira tal-proċeduri tal-abort isiru b’raxkament jew bil-pinnoli fi stadji bikrin tat-tqala, ġeneralment qabel it-tnax-il ġimgħa. Ir-rata ta’ abort ta’ 215-il abort kull elf twelid fl-2024 hija meqjusa bħala l-aktar rata baxxa ta’ abort fl-UE. Ir-raġuni għal din ir-rata mill-aktar baxxi meta kkumparata ma’ pajjiżi oħra hija l-edukazzjoni sesswali b’saħħitha u l-aċċess faċli għal mezzi ta’ kontraċezzjoni.
Il-Ġermanja
It-triq tan-nofs tal-Ġermanja tħalli r-regolamentazzjoni dwar l-abort fil-liġi kriminali, għalkemm il-proċedura hija legali sat-tnax-il ġimgħa tat-tqala. L-approvazzjoni tat-tabib personali mhux biżżejjed biex issir il-proċedura, għax hemm ukoll il-ħtieġa ta’ counselling, stennija ta’ tlett ijiem. F’każ ta’ stupru m’hemm l-ebda ħtieġa ta’ counselling. Wara tnax-il ġimgħa huwa permess għal raġunijiet mediċi u serji. 78% jsiru qabel u sa tmien ġimgħat tqala. Ir-rata hija wkoll baxxa ta’ 153 kull 1000 twelid fl-2023.
Dan il-mudell ta’ abort legali imma regolat huwa komuni f’pajjiżi tal-Ewropa Ċentrali.
Il-Polonja
Il-Polonja huwa wieħed mill-aktar pajjiżi restrittivi, għalkemm il-liġijiet Maltin huma aktar restrittivi minn dawk Pollakki. L-abort hawn huwa permess biss meta l-ħajja jew is-saħħa tal-mara jkunu f’riskju jew meta t-tqala tkun riżultat ta’ stupru jew ta’ inċest. Anke f’każi ta’ saħħa, ħafna tobba jirrifjutaw li jwettqu l-proċedura.
L-Irlanda
Il-liġijiet tar-Repubblika tal-Irlanda dwar l-abort inbidlu ħafna minn restrittivi immens qabel l-2018 għal legali sa tnax-il ġimgħa wara referendum li neħħa r-restrizzjonijiet fil-kostituzzjoni.
Wara tnax-il ġimgħa l-abort huwa permess f’każ ta’ riskji serji għas-saħħa tal-mara jew fetu b’kondizzjonijiet fatali, jiġifieri li jmut fil-ġuf jew kif it-tarbija titwieled. Ir-rata ta’ abort fl-2024 kienet ta’ 201 kull 1,000 twelid.
Spanja
Legali sa erbatax-il ġimgħa tqala. Sa tnejn u għoxrin ġimgħa għal riskji serji għas-saħħa tal-mara u għal anomaliji fil-fetu. Tfajliet minuri bejn is-sittax u s-sbatax-il sena m’għandhomx bżonn il-kunsens tal-ġenituri biex jaċċessaw is-servizz tas-saħħa għal abort. 77% jsiru sa tmien ġimgħat tqala. Ir-rata ta’ abort fl-2021 kienet ta’ 268 kull 1,000 twelid.
Franza
Legali mingħajr ġustifikazzjoni sa erbatax-il ġimgħa tqala. Wara permess għal raġunijiet mediċi serji. Mill-2024 l-aċċess għall-abort huwa protett mill-kostituzzjoni. Ir-rata ta’ abort fl-2024 kienet ta’ 380 kull 1,000 twelid. 77% tal-aborti jsiru bejn il-ħames u d-disa’ ġimgħa tqala.
L-Italja
Legali sad-disgħin ġurnata tqala, jiġifieri bejn tnax u tlettax il-ġimgħa. Wara disgħin ġurnata huwa permess għal raġunijiet serji ta’ saħħa. L-aċċess huwa diffiċli minħabba li ħafna tobba jirrifjutaw li joħorġu ċertifikat biex mara taċċessa servizzi tal-abort. Bosta tobba u infermiera jirrifjutaw li jieħdu sehem fil-proċedura, speċjalment fir-reġjuni tan-Nofsinhar tal-pajjiż.
Ir-rata ta’ abort fl-2023 kienet ta’ 177 kull 1,000 twelid. 64% tal-aborti jsiru qabel tgħaddi t-tmien ġimgħa tqala.
Malta
Restrittiv ħafna. Irregolat mil-liġi kriminali. Permess biss f’periklu imminenti ta’ mewt tal-mara. Lanqas mhuwa permess fejn il-fetu mhux vijabbli sakemm ma jkunx hemm kumplikazzjonijiet. Aktar restrittiv mill-Polonja għax teknikament lanqas raxkament wara stupri mhuwa permess, lanqas mhuwa permess f’każ fejn tfajla ma tkunx tiflaħ għal tqala għax tkun ta’ età tenera sakemm ma tasalx sa xifer il-mewt.
Għalkemm skont statistika, ir-rata hija prattikament żero, minn kalkoli bbażati fuq abort minn ċittadini Maltin fl-Ingilterra (li jżommu statistika skont in-nazzjonalità) u minn statistika dwar pinnoli tal-abort provduti minn għaqdiet tan-nisa, ir-rata ta’ 500 abort fis-sena, jiġifieri ta’ 110 kull 1,000 twelid. Imma hemm min jinsisti li r-rata tidħer żgħira wisq anke minħabba n-nuqqas ta’ aċċess għal kontraċezzjoni, in-nuqqas ta’ edukazzjoni sesswali adegwata, u n-nuqqas ta’ statistika uffiċjali peress li l-abort huwa prattikament illegali kompletament. Meqjusa bħala l-aktar liġi ħarxa fl-UE.
Ir-Renju Unit
Teknikament fl-Ingilterra, Wales u l-Iskozja m’hemmx abort bla ebda ħtieġa ta’ ġustifikazzjoni. Imma fil-prattika legali sa erbgħa u għoxrin ġimgħa. Hemm bżonn il-permess ta’ żewġ tobba. Ir-raġunijiet huma riskju għas-saħħa fiżika jew mentali tal-mara. Wara erbgħa u għoxrin ġimgħa permess f’każ ta’ riskju għall-ħajja tal-mara jew difetti severi fil-fetu.
Ir-rata ta’ abort fl-2022 fl-Ingilterra u Wales kienet ta’ 415 kull 1,000 twelid. 88% tal-aborti jsiru qabel tgħaddi d-disa’ ġimgħa tqala. Storikament ir-rata hija waħda mill-ogħla fost pajjiżi Ewropej. Xi studji jindikaw nuqqas ta’ aċċess faċli għall-kontraċezzjoni.
