Diskriminazzjoni fid-diskoteki ta’ Paceville
Maltin u barranin jgħidu li affaċċjaw razziżmu f’Paceville
More in Kronaka
Maltin u barranin jgħidu li affaċċjaw razziżmu f’Paceville
Numru ta’ nies tkellmu mal-gazzetta ILLUM li bouncers ta’ diskoteki popolari f’Paceville ma ħallewhomx jidħlu minħabba l-kulur tal-ġilda tagħhom.
L-ewwel indikazzjoni ta’ dan kien fuq Facebook meta Malti tella’ post fuq numru ta’ gruppi, li issa tneħħiet, fejn qal li kien hemm tliet diskoteki popolari, Havana Club, Shadow Club u Club H fejn ma ħallewhx jidħol.
Hu qal li l-bouncer kompla jaqbad miegħu u qallu: “Jekk għandek problema, ġib il-pulizija.” Ir-raġel enfasizza li hu Malti, twieled Malta u trabba Malta, b’ġilda samranija, xi ħaġa li kien ilu jaffaċċja diskriminazzjoni kaġun tagħha minn mindu kien tfal. Huwa afferma li hu ma kienx sakranazz – kif ħafna akkużawh – u lanqas ma kien se jidħol f’xi festin privat.
Ir-raġel tkellem fuq l-ironija li bħala pajjiż ngħidu li aħna inklużivi imma mbagħad isiru affarijiet bħal dawn li juru bil-kontra. “Jien Malti, ngħix f’pajjiżi u ġejt irrifjutat u trattat b’diżrispett minħabba kif nidher.”
Wara ftit iżjed indaġni fuq il-biċċa, hemm numru ta’ testimonjanzi fuq l-internet minn nies li affaċċjaw l-istess trattament. Kien hemm nies li qalu li anke wara li l-bouncers iċċekkjaw il-karta tal-identità sabiex jaraw l-età, xorta ma ħallewhomx jidħlu fid-diskoteka filwaqt li ħalla nies oħra jidħlu mingħajr ma ċċekkjalhom il-karta tal-identità.
Kien hemm min qal li lanqas biss talbuh karta tal-identità u qalulu le wara ħarsa waħda. Fost dawn it-testimonjanzi, kien hemm ftit fejn qalu li l-bouncer mal-ewwel qalilhom li l-problema kienet il-kulur tal-ġilda tagħhom. Persuna minnhom qalet li l-bouncer qallu li kellu ordni mill-manġier sabiex ma jdaħħalx nies b’ġilda skuri.
Din il-gazzetta kkuntattjat dawn id-diskoteki msemmija.