Qafas legali ġdid se jippermetti li żgħażagħ ta’ 16-il sena jmexxu l-kumpaniji tagħhom

Dan se jkun jista’ jsir bl-għajnuna tar-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta, l-Aġenzija Żgħażagħ, u JA Malta. L-iskema, bit-titlu Intrapriża16, se tneħħi l-ostakli legali preċedenti li kienu jipprevjenu lill-minorenni milli jmexxu l-kumpaniji tagħhom stess

Il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar qafas legali ġdid li jippermetti liż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u t-18-il sena jibdew u jmexxu l-kumpaniji tagħhom stess. 

Dan se jkun jista’ jsir bl-għajnuna tar-Reġistru tan-Negozju ta’ Malta, l-Aġenzija Żgħażagħ, u JA Malta. L-iskema se tneħħi l-ostakli legali preċedenti li kienu jipprevjenu lill-minorenni milli jmexxu l-kumpaniji tagħhom stess.

Kif deskritt fil-baġit ta’ din is-sena, l-iskema bit-titlu Intrapriża16, tħabbret waqt avveniment li sar fil-Ġan Franġisk Abela Junior College.

“Iż-żgħażagħ huma wieħed mill-aktar elementi importanti tas-soċjetà tagħna,” qal Abela. “Qed nippreparaw lil dawk li xi darba se jkunu l-muturi ekonomiċi ta’ pajjiżna.”

Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ Keith Azzopardi Tanti qal illi Intrapriża16 mhix biss riforma legali, iżda wkoll dikjarazzjoni ċara tal-fiduċja tal-gvern fil-ġenerazzjoni li jmiss ta’ imprendituri.

Fil-preżent, il-liġi tippermetti lil żgħażagħ taħt l-età ta' 18-il sena sabiex iwettqu atti ta' kummerċ jekk ikun hemm il-kunsens tal-ġenituri jew tal-gwardjani tagħhom, jew jekk jiġu permessi sabiex jagħmlu dan mill-qrati.

Ir-riformi huma maħsuba sabiex jagħmluha iktar faċli għaż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u t-18-il sena sabiex jieħdu sehem f'attivitajiet kummerċjali.

Din l-aħħar skema ssegwi sensiela ta’ riformi li huma maħsuba sabiex iżidu l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-komunitajiet tagħhom, inkluż it-tnaqqis fl-età tal-vot għal 16-il sena u l-possibbiltà li ż-żgħażagħ ta’ 16-il sena jsiru sindki fil-lokalitajiet tagħhom jekk jiġu eletti fl-elezzjonijiet lokali.

More in Kronaka