Salvatore Di Prima nstab mill-awtoritajiet u ġie arrestat it-Tlieta għall-ħabta tas-7pm wara tfittxija intensiva li damet tlett ijiem, skont informazzjoni kkonfermata mill-gazzetta oħt, MaltaToday.
Di Prima kien ilu mfittex mill-pulizija minn nhar is-Sibt filgħaxija wara li l-awtoritajiet irċevew telefonata madwar l-10pm dwar allegat attentat ta’ qtil qrib il-kumpless ta’ White Rocks.
Informazzjoni li ħarġet aktar tard indikat li Di Prima allegatament ipprova joqtol liż-żewġ uliedu. Sorsi qrib l-investigazzjoni qalu li t-tifel instab bi ġrieħi kompatibbli ma’ daqqiet bil-ġebel, filwaqt li oħtu kellha marki ta’ strangolazzjoni madwar għonqha.
It-tifla rnexxielha taħrab mill-post u ċċempel għall-għajnuna.
Meta l-pulizija waslu fuq il-post, Di Prima kien diġà ħarab, u minn dak il-ħin ‘l hawn bdiet tfittxija estensiva biex jinstab.
Fil-bidu, it-tfittxijiet kienu ffukati tul il-kosta ta’ Baħar iċ-Ċagħaq. Madankollu, aktar tard il-pulizija kkonfermat li ż-żona tat-tfittxija ġiet estiża hekk kif il-post fejn kien jinsab ir-raġel baqa’ mhux magħruf.
Aktar kmieni kien irrappurtat ukoll li għaddasa tal-Forzi Armati ta’ Malta ġew mobilizzati biex jassistu fit-tfittxija, hekk kif l-awtoritajiet kienu qed jikkunsidraw il-possibbiltà li Di Prima seta’ nstab mejjet wara li tlett ijiem ta’ tfittxijiet ma taw l-ebda riżultat.
Il-Ministru għall-Intern Byron Camilleri ħabbar fuq Facebook li Di Prima nstab u ġie arrestat. Fil-messaġġ tiegħu rringrazzja lill-investigaturi u lill-entitajiet kollha involuti għall-ħidma tagħhom matul l-operazzjoni tat-tfittxija.