Sorsi qrib l-investigazzjoni qalu li l-awtoritajiet issa qed jikkunsidraw b’mod serju l-possibbiltà li Di Prima jista’ jinstab mejjet. L-għaddasa ma setgħux jibdew it-tfittxijiet qabel minħabba ċerti limitazzjonijiet operattivi.
Il-pulizija ilha tfittex lil Di Prima minn nhar is-Sibt filgħaxija wara allegat attakk serju fuq żewġt itfal qrib il-kumpless ta’ White Rocks. Skont il-pulizija, kienu rċevew telefonata madwar l-10pm dwar każ ta’ attentat ta’ qtil fiż-żona.
Meta l-pulizija waslu fuq il-post sabu tifel bi ġrieħi gravi, filwaqt li oħtu ż-żgħira kienet irnexxielha taħrab mill-post u ċċempel għall-għajnuna. It-tfal ittieħdu immedjatament l-Isptar Mater Dei għall-kura medika.
Skont rapporti mediċi, it-tifel kellu ġrieħi kompatibbli ma’ daqqiet bil-ġebel, filwaqt li fuq oħtu dehru marki ta’ strangulazzjoni madwar għonqha.
Di Prima kien diġà ħarab minn fuq il-post qabel ma waslet il-pulizija, u minn dak il-ħin ‘l hawn qed isiru tfittxijiet intensivi biex jinstab. Inizjalment, it-tfittxijiet kienu ffukati tul il-kosta ta’ Baħar iċ-Ċagħaq, iżda aktar tard il-pulizija estendiet iż-żona tat-tiftix hekk kif għadu mhux magħruf fejn jinsab.
F’pass mhux tas-soltu, il-pulizija ppubblikat ritratt tas-suspettat u appellat lill-pubbliku biex jgħin b’kull informazzjoni li tista’ twassal biex jinstab.
Sorsi tal-pulizija kkonfermaw ukoll li l-mobile phone ta’ Di Prima nstab fil-viċinanzi ta’ Baħar iċ-Ċagħaq. Skont l-istess sorsi, qabel l-inċident ir-raġel kien bagħat messaġġi li jindikaw possibbiltà ta’ suwiċidju, iżda l-kundizzjoni tiegħu għadha mhux magħrufa.
Sadanittant, l-investigazzjoni żvelat li kemm Di Prima kif ukoll martu kienu preċedentement ressqu rapporti ta’ fastidju kontra xulxin wara li r-relazzjoni tagħhom kienet sfaxxat. Madankollu, sorsi qrib il-każ qalu li ma kien hemm l-ebda rapporti ta’ vjolenza domestika.
Il-pulizija qed tħeġġeġ lil kull min għandu informazzjoni dwar fejn jista’ jkun jinsab Di Prima biex jikkuntattja lill-awtoritajiet, anke b’mod anonimu, fuq in-numri 21224001 jew 119, jew billi jżur l-eqreb għassa tal-pulizija.