Il-kelliem tal-Oppożizzjoni għas-sigurtà nazzjonali, Darren Carabott, qal li l-patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta (AFM) kienet fuq il-post tal-bastiment Russu tal-LNG li fuqu seħħet splużjoni nhar it-Tlieta filgħaxija.
Carabott qal li din l-informazzjoni ngħatat lill-Oppożizzjoni mill-gvern waqt laqgħa li saret nhar it-Tlieta bejn il-Prim Ministru Robert Abela, il-Ministru għas-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri, il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg u Carabott innifsu.
F’video blog li tella’ fuq Facebook nhar l-Erbgħa, Carabott appella biex tingħata kronoloġija ċara tal-iżviluppi relatati mal-inċident tat-tanker u biex il-pubbliku jingħata stampa sħiħa tal-involviment ta’ Malta. Huwa żied li l-każ m’għandux jinbidel f’argument politiku.
Carabott spjega li għall-ħabta tas-6pm tat-Tlieta, waqt li l-parlament kien għaddej bis-seduta tiegħu, huwa rċieva informazzjoni dwar splużjoni fuq tanker Russu tal-LNG u indika lill-ministru Byron Camilleri li xtaq ikellmu dwar il-każ.
Skontu, waqt briefing qasir li kien jinvolvi wkoll lill-Prim Ministru u lill-Kap tal-Oppożizzjoni, Camilleri informa lill-Oppożizzjoni li f’dak il-mument l-patrol boat tal-AFM kienet diġà fuq il-post tat-tanker u saħansitra wera ritratti tal-inċident.
Carabott qal ukoll li l-ministru spjega li l-isplużjoni fuq it-tanker seħħet waqt li l-vapur kien fiż-żona ta' salvataġġ tal-Libja, iżda sa filgħaxija tat-Tlieta l-bastiment kien driftja lejn iż-żona SAR ta’ Malta.
Id-dikjarazzjonijiet ta’ Carabott saru wara li l-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg ġie kkritikat minn esponenti tal-gvern talli allegatament qajjem allarm meta kiteb fuq Facebook li l-isplużjoni kienet seħħet fiż-żona SAR ta’ Malta.
Il-verżjoni uffiċjali tal-avvenimenti li kkomunikaw il-Forzi Armati ta’ Malta nhar it-Tlieta filgħaxija, wara mistoqsijiet mill-midja, indikat li l-isplużjoni seħħet barra miż-żona SAR ta’ Malta. Madankollu ma sar l-ebda riferiment għall-fatt li t-tanker seta’ driftja lejn iż-żona ta’ responsabbiltà ta’ Malta.
“Huwa tajjeb li l-gvern tana l-informazzjoni wara li qajjimna l-kwistjoni, iżda issa n-nies jeħtieġu wkoll ċarezza,” qal Carabott, filwaqt li qajjem diversi mistoqsijiet dwar il-każ.
Fost oħrajn, huwa staqsa f’liema ħin eżatt seħħet l-isplużjoni u meta l-AFM saret taf biha. Staqsa wkoll meta wasal fuq il-post il-bastiment tal-AFM u għaliex dam tant biex l-informazzjoni dwar l-inċident saret pubblika.