Abela jisħaq fuq soluzzjonijiet Mediterranji u jwissi kontra interessi esterni li jagħmlu ħsara lir-reġjun

Waqt il-laqgħa annwali mal-ambaxxaturi Maltin barra minn Malta, il-Prim Ministru Robert Abela enfasizza l-bżonn li l-pajjiżi Mediterranji jiżviluppaw soluzzjonijiet tagħhom stess għall-isfidi komuni, filwaqt li tenna r-rwol diplomatiku dejjem jikber ta’ Malta fuq livell internazzjonali

Il-Prim Ministru Robert Abela qal li l-Mediterran storikament kien vittma ta’ interessi li ma kinux neċessarjament jirriflettu l-bżonnijiet tar-reġjun innifsu, u għalhekk hemm il-ħtieġa li l-pajjiżi Mediterranji jibnu kapaċità kollettiva biex jindirizzaw l-isfidi li jaffettwawhom kollha.

“Storikament, il-Mediterran waqa’ vittma ta’ interessi li ma kinux interessi Mediterranji, anke jekk kultant kienu jaqblu mal-interessi ta’ xi pajjiż jew ieħor fir-reġjun,” qal Abela. “Għalhekk huwa essenzjali li nkomplu niżviluppaw soluzzjonijiet verament Mediterranji għall-problemi komuni tagħna.”

Il-Prim Ministru kien qed jitkellem waqt il-laqgħa annwali tiegħu mal-ambaxxaturi Maltin, fejn iddeskriva l-prijoritajiet diplomatiċi ta’ Malta għas-sena li ġejja. It-tema magħżula għal din is-sena, “Securing Our Purpose”, tirrifletti l-ħtieġa li s-servizz barrani Malti jissaħħaħ fl-interess nazzjonali.

Abela fakkar fl-impenji internazzjonali reċenti ta’ Malta, fosthom is-siġġu tagħha fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti, iċ-chairmanship tal-OSCE fl-2024 u l-Presidenza tal-Kunsill tal-Ewropa fl-2025, li matulha beda x-xogħol biex jitwaqqaf Tribunal Speċjali dwar id-Delitt ta’ Aggressjoni kontra l-Ukrajna.

Huwa semma wkoll ir-rikonoxximent ta’ Malta tal-Istat tal-Palestina, li qal li jagħmel parti mill-isforzi biex tinżamm ħajja s-soluzzjoni ta’ żewġ stati.

Id-diplomazija, sostna Abela, hija marbuta direttament mal-Viżjoni Malta 2050. Huwa ddeskriva lill-ambaxxaturi bħala “ċ-ċavetta li tiftaħ lil Malta għad-dinja” u ħeġġiġhom, flimkien mal-Konsli Onorarji li attendew għal din il-laqgħa għall-ewwel darba, biex iwasslu l-messaġġ li Malta hija pajjiż miftuħ, mibni fuq ix-xogħol u lest li jaħtaf opportunitajiet f’setturi ewlenin bħat-turiżmu u l-kummerċ.

Il-Prim Ministru wissa wkoll dwar l-isfidi dejjem jiżdiedu għall-ordni internazzjonali u n-nuqqas ta’ riformi fil-mekkaniżmi multilaterali, li qal qed joħolqu perikli partikolari għal stati żgħar bħalma hi Malta.

“Qegħdin ngħixu f’kuntest ta’ inċertezzi u sfidi. Qed naraw il-ħtieġa ta’ riformi fi ħdan l-istituzzjonijiet multilaterali li mhumiex iseħħu, għad-detriment ta’ pajjiżi żgħar bħal tagħna,” enfasizza Abela.

Huwa temm jgħid li f’dawn l-aħħar snin Malta wriet li kapaċi tagħti l-kontribut tagħha biex ittejjeb dawn iċ-ċirkostanzi, kemm fl-interess nazzjonali kif ukoll għall-ġid komuni.

More in Kronaka