Alex Borg b’reazzjoni qawwija għall-ittra tal-Imħallef Mintoff: “Dak li qed jiżviluppa huwa bla preċedent”


L-ewwel reazzjoni ta’ Alex Borg għall-akkużi serji mqajma mill-Imħallef sedenti Lawrence Mintoff kontra l-Prim Ministru Robert Abela, f’ittra li diġà qed tqajjem xokk u mistoqsijiet profondi dwar l-istat tal-indipendenza tal-ġudikatura f’Malta

 

Id-Deputat tal-Partit Nazzjonalista Alex Borg iddeskriva l-iżviluppi li qed joħorġu mill-ittra tal-Imħallef Lawrence Mintoff bħala “bla preċedent” u “ta’ tħassib serju ħafna”, hekk kif imħallef sedenti għamel akkużi diretti u gravissimi fil-konfront tal-Prim Ministru Robert Abela.

Skont Borg, il-fatt li dawn l-allegazzjonijiet qed isiru minn imħallef li kien qed jippresjedi kawżi sensittivi jagħmel is-sitwazzjoni aktar allarmanti. Huwa sostna li dan mhux biss hu xokkanti, iżda wkoll juri b’mod ċar f’liema stat wasal pajjiżna llum, b’dubji serji jittellgħu dwar ir-rispett lejn is-separazzjoni tal-poteri u l-indipendenza tal-ġudikatura.

Alex Borg enfasizza li l-aktar aspett gravi tal-ittra huwa l-allegat indħil dirett fil-ġudikatura u fid-deċiżjonijiet tal-imħallfin. “L-ebda ministru jew Prim Ministru m’għandu jidħol jew jinfluwenza l-operat tal-qrati,” qal Borg, filwaqt li saħaq li dan hu prinċipju fundamentali f’kull demokrazija li tirrispetta l-istat tad-dritt.

Il-Kap tal-PN qal li l-Prim Ministru għandu ħafna xi jwieġeb lill-poplu Malti u Għawdxi, li qed jistenna tweġibiet ċari u immedjati għal dawn l-akkużi. Fost il-mistoqsijiet li, skont Borg, għandhom jingħataw tweġiba hemm jekk hux minnu li l-Prim Ministru uża tattika ta’ bullying waqt li kien għaddej każ serju presedut mill-istess Imħallef Mintoff, u jekk hux veru li l-prijorità kienet il-flus minflok l-indipendenza tal-ġudikatura.

Borg irrefera wkoll għaż-żewġ każi speċifiċi msemmija fl-ittra tal-Imħallef Mintoff, fejn dan waqqaflu fiż-żewġ okkażjonijiet differenti. Skont Borg, dawn il-każi jixħtu dawl fuq ir-raġunijiet għalfejn il-Prim Ministru ma jridx jikkunsidra lil Mintoff għall-kariga ta’ Prim Imħallef.

Fl-istess ittra, l-Imħallef Mintoff jakkuża lill-Prim Ministru li huwa preġudikat kontrih u li jinsab kompromess dwar il-ħatra ta’ Prim Imħallef. Skont l-akkużi, dan iwassal biex Abela lanqas għandu jipparteċipa fid-deċiżjoni dwar min għandu jokkupa din il-kariga tant sensittiva.

Alex Borg qal li hu wkoll ta’ tħassib dak li ġie sostnut fil-passat mill-Prim Ministru dwar il-ħatra ta’ missieru bħala President ta’ Malta u dwar il-ħatra ta’ Joseph Azzopardi bħala Prim Imħallef. “Illum għandna konferma ċara kif din il-ħatra qed tintuża bħala ballun politiku,” sostna Borg.

Borg fakkar li l-Prim Ministru stess kien qal li ma jridx lil Wenzu Mintoff jinħatar Prim Imħallef għax ikun qed jidher li qed iċedi għal talba tal-Oppożizzjoni, u għax in-nomina tiegħu “ma tinżilx tajjeb ma’ Laburisti ħorox.”

Fl-għeluq, Alex Borg qal li l-Partit Nazzjonalista qed jistenna li l-Prim Ministru jwieġeb għal dawn l-akkużi mingħajr ebda dewmien. “Issa nafu min verament għandu għal qalbu l-bajda u l-ħamra, u min għandu tassew għal qalbu l-interess nazzjonali u l-ġid komuni tal-Maltin u l-Għawdxin kollha,” temm jgħid Borg.

More in Kronaka