Fl-Ittra Pastorali tar-Randan ta' din is-sena; li hija intitolata ‘Sejħa għal Imħabba Ġeneruża’, l-Isqfijiet ta' Malta għamlu riflessjoni dwar id-donazzjoni tal-organi u ddeskrivewh bħala ġest sabiħ u nobbli favur il-ħajja. Huma affermaw illi l-Knisja f'Malta tappoġġja d-donazzjoni tal-organi sakemm dan isir ''b'kundizzjonijiet etiċi ċari u b'salvagwardji morali sodi.''
L-Isqfijiet sostnew li d-donazzjoni tal-organi għandha ssir fuq bażi volontarja u li huwa essenzjali li jingħata ''kunsens liberu u nfurmat'' lill-pazjent qabel ma ssir id-donazzjoni, filwaqt li għamlu enfasi fuq il-ħtieġa li 'ċ‑ċertezza tal‑mewt tal-pazjent tkun stabbilita qabel ma jitneħħew l‑organi sabiex ikun assigurat li l-mewt kkaġunata b’xi mod mgħaġġel bil‑għan li jinkisbu l‑organi.
Huma qalu li ''għandu jkun hemm separazzjoni ċara bejn it-tim mediku li jikkura l-pazjent u t-tobba tat-trapjant'', filwaqt li wissew li ''l-organi umani qatt m'għandhom jinbiegħu jew jinxtraw.'' Huma sostnew li l-kummerċjalizzazzjoni tal-organi hwua kuntrarju għad-dinjita' tal-bniedem.
Fl-istess ittra li se tinqara fil-quddies kollu li se jitqaddes fil-parroċċi kollha ta' Malta u Għawdex matul tmiem din il-ġimgħa, l-Isqfijiet ħeġġew lill-Insara sabiex ifittxu informazzjoni medika u etika affidabbli, u li jitkellmu ma' professjonisti fil-qasam tas-saħħa ''li jirrispettaw il-ħajja umana f'kull stadju tagħha.'' Huma qalu li ''l‑Knisja tistieden lil kull persuna tieħu deċiżjoni fil‑kuxjenza tagħha, wara informazzjoni sħiħa, riflessjoni serja u talb,”
Filwaqt illi huma ddeskrivew iż-żmien tar-Randan bħala ''vjaġġ ta’ konverżjoni,'' l-Isqfijiet affermaw li fil-preżent ''hawn diversi ċittadini li jbatu minn mard serju li jfaqqar il‑kwalità ta’ ħajjithom.'' Huma komplew jgħidu li ''ħafna minnhom qed jistennew, bosta drabi għal snin sħaħ, il‑possibbiltà li jgħixu mill‑ġdid permezz ta’ trapjant ta’ organi.'' L-Isqfijiet fakkru li ''wara kull isem fuq il‑lista ta’ stennija, hemm wiċċ uman, familja, u storja ta’ tama ħajja ħierġa mill‑imħabba u s‑solidarjetà tal‑oħrajn.''
''Meta ssir b’mod etiku, id‑donazzjoni tal‑organi tista’ tkun espressjoni konkreta ta’ solidarjetà u għotja personali, li tirrifletti d‑don totali li Kristu għamel tiegħu nnifsu għall‑ħajja tad‑dinja,'' qalu l-Isqfijiet.