Il-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela ħabbar li fil-jiem li ġejjin se tinħareġ sejħa pubblika għal servizz bid-drones bil-għan li jiġi stabbilit trasferiment rapidu u sigur ta’ mediċini u materjal bijoloġiku bejn l-Isptar Mater Dei u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Abela spjega li fl-aħħar xhur l-Uffiċċju taċ-Chief Medical Officer, flimkien mal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex, ħadem fuq l-istrutturar tat-tender għal dan is-servizz innovattiv. Huwa qal li l-introduzzjoni tad-drones mistennija tnaqqas b’mod sinifikanti l-inkonvenjenza bla bżonn għall-pazjenti Għawdxin u għall-familji tagħhom.
Permezz ta’ din it-teknoloġija, mistennija jiġu ttrasferiti b’mod regolari, sigur u rapidu 11-il tip ta’ mediċini tal-antikorpi monoklonali, li jippermettu lil aktar pazjenti jirċievu l-kura meħtieġa f’taqsima li se tkun estiża fi ħdan id-Day Care Unit tal-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex.
Il-ministru żied li dan il-proġett hu marbut ma’ estensjoni fl-infrastruttura li bħalissa għaddejja, li se tippermetti li l-unità takkomoda sa 15-il pazjent minflok is-sitta li takkomoda bħalissa.
Abela faħħar il-ħidma tad-dipartimenti tal-Farmaċija u l-Patoloġija fiż-żewġ sptarijiet, filwaqt li rringrazzja wkoll lil Transport Malta, lid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u lill-uffiċjali mir-Renju Unit għall-pariri tekniċi li taw matul l-iżvilupp tal-proġett.
Is-servizz bid-drones se jintuża wkoll għat-trasport aktar rapidu ta’ kampjuni tad-demm, fluwidi u kampjuni ta’ tessuti, li mistenni jwassal għal dijanjosi aktar robusti u titjib fl-istandards tal-kura.
It-tender għandu l-għan li jgħaqqad l-entitajiet kollha fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva permezz tal-użu tad-drones, inkluż l-Isptar San Vinċenz de Paul u ċ-Ċentru Ċensu Moran.
“Dan huwa pass storiku għall-kura tas-saħħa għall-Għawdxin f’Għawdex stess, fejn se nkunu qed ninvestu aktar minn miljun ewro matul is-sentejn li ġejjin biex intejbu l-kumdità u l-kwalità tal-kura,” qal Abela.