Il-Prim Ministru Robert Abela u l-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg kellhom dak illi ddeskrivew bħala taħditiet pożittivi dwar il-ħatra ta' Prim Imħallef ġdid. It-taħdidiet saru fil-Berġa ta' Kastilja nhar il-Ġimgħa filgħaxija.
Meta tkellem mal-midja, Abela qal illi ġew diskussi numru ta’ punti, u l-laqgħa tal-Ġimgħa se tiġi analizzata. Il-Prim Ministru kkonferma li hu u l-Kap tal-Oppożizzjoni se jiltaqgħu mill-ġdid sabiex ikomplu jiddiskutu l-ħatra ta' Prim Imħallef potenzjali ġdid.
“Identifikajna numru ta’ karatteristiċi li nemmnu li għandhom jikkaratterizzaw lill-persuna li se tieħu l-irwol, u nħares ‘il quddiem biex inkomplu naħdmu b’dan il-mod,” qal Abela.
Filwaqt li ddeskriva t-taħditiet bħala "tajbin", Borg ikkonferma wkoll li t-taħditiet dwar l-għażla tal-Prim Imħallef il-ġdid se jkomplu fil-ġranet li ġejjin
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista deher jasal għall-ħabta tas-6:30pm mal-Kelliem tal-Oppożizzjoni għall-ġustizzja Joe Giglio.
Il-laqgħa qed issir wara li nhar il-Ħamis il-President Myriam Spiteri Debono rrifjutat li tippresjedi t-taħditiet bejn iż-żewġ mexxejja.
Aktar kmieni nhar il-Ħamis, Borg talab lill-President sabiex tippresjedi t-taħditiet dwar in-nomina tal-Prim Imħallef il-ġdid. Huwa qal li jridha sservi bħala medjatriċi matul il-proċess tal-ħatra, u talabha tagħmel l-istess meta t-tnejn jiġu biex jagħżlu awditur ġenerali.
Il-President intervjeniet fit-taħditiet nhar l-Erbgħa meta sejħet lil Borg u lill-Ministru tal-Ġustizzja Jonathan Attard għal laqgħa dwar il-ħatra.
Minn dakinhar 'l hawn, il-Parlament iddiskuta, u vvota kontra, mozzjoni sabiex tinħatar l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.
Il-Prim Imħallef attwali Mark Chetcuti se jibqa' fil-kariga sakemm jinstab sostitut, minkejja li laħaq l-età tal-irtirar l-Erbgħa li għaddiet.
Consuelo Scerri Herrera kienet l-għażla preferuta tal-gvern għall-irwol, filwaqt li l-għażla preferuta tal-Partit Nazzjonalista hija l-Imħallef Edwina Grima. Abela minn dakinhar irrifjuta li jappoġġja l-ħatra ta' Grima, u sostna li kienet “l-għażla ta’ Jason Azzopardi u Repubblika”.