Negozji bi strutturi illegali se jkollhom jirregolarizzaw dawk l-illegalitajiet jekk iridu jkunu eliġibbli bis-sħiħ għal kumpens għad-danni tal-Maltempata Harry, qal il-Prim Ministru Robert Abela nhar il-Ħamis.
“Jekk ma jiġux regolarizzati fi żmien sena, se jiġu kkumpensati biss fuq l-iżvilupp approvat,” qal Abela lill-ġurnalisti.
Il-Prim Ministru kien suġġett għall-kritika wara li qal il-ġimgħa li għaddiet li persuni bi strutturi illegali xorta jkunu eliġibbli għal kumpens mill-gvern għad-danni mġarrba matul il-Maltempata Harry.
Iżda nhar il-Ħamis, Abela biddel il-pożizzjoni tiegħu dwar il-kwistjoni, fejn qal li n-negozji eliġibbli għall-fond ta’ €1 miljun tal-gvern għal ħsara lill-proprjetà privata kkaġunata mill-maltempata u li mhijiex koperta minn poloz tal-assigurazzjoni, jeħtieġu li jirregolarizzaw l-illegalitajiet tagħhom. Taħt l-iskema, individwi, NGOs u negozji jistgħu jitolbu sa €5,000 kull wieħed.
“Stabbiliment kummerċjali jista’ jkun permess bis-sħiħ, ħlief għal tieqa li ġiet installata mingħajr permess. F’każijiet bħal dawn, ma jistax jintalab kumpens għall-parti mhux permessa sakemm ma tiġix sottomessa applikazzjoni sabiex tiġi regolarizzata lill-awtoritajiet regolatorji fi żmien sena,” qal.
Il-kummenti ta’ Abela l-ġimgħa li għaddiet irċevew kritika qawwija mill-Kamra tat-Turiżmu ta’ Malta, illi tat parir lill-Prim Ministru sabiex ma jippermettix li stabbilimenti bħal dawn jiġu kkumpensati.
Huwa rċieva wkoll reazzjoni negattiva mill-eks Prim Ministru, membru tal-Parlament Ewropew u mexxej Laburista Alfred Sant, li nnota li l-gvern diġà jipprovdi firxa ta’ sussidji u m’għandux jestendi aktar appoġġ lill-operaturi li injoraw il-liġijiet tal-ippjanar.
Il-ħsarat kkaġunati b'konsegwenza tal-Maltempata Harry kienu evidenti f’Għar Lapsi. Din iż-żona pittoreska kien fost dawk iż-żoni li ġarrbu ġarrbet ħsarat kbar, hekk kif b'konsegwenza tal-mewġ qalil tfarrku triq, inkisru l-bibien tal-garaxxijiet u sid ta’ stabbiliment tal-ikel partikolari tilef kollox minħabba l-maltempata.
L-istabbiliment tal-ikel huwa liċenzjat mill-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta, iżda huwa suġġett għal multi ta’ kuljum mill-Awtorità tal-Ippjanar minħabba li kien qiegħed jokkupa x-xatt b'mod irregolari b'diversi mwejjed.