Alex Borg jinsisti li jkomplu t-taħditiet mal-Prim Ministru dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg, f'ittra li bagħat lill-Priministru qal li qed jistenna li jkomplu t-taħditiet dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef il-ġdid

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Alex Borg qal li qed jistenna li jkomplu t-taħditiet mal-Prim Ministru Robert Abela dwar il-ħatra tal-Prim Imħallef il-ġdid, minkejja li, skontu, il-Prim Ministru lbieraħ kiser ftehim ta’ rġulija u kunfidenzjalità bejn iż-żewġ naħat.

F’ittra li bagħat lill-Prim Ministru llum, Borg wieġeb għal korrispondenza li rċieva mingħandu lbieraħ filgħaxija, u enfasizza li l-proċess tal-ħatra għandu jitkompla sakemm jintlaħaq qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni, kif jitlob il-Kostituzzjoni, permezz ta’ vot ta’ żewġ terzi tal-Membri Parlamentari.

Ir-risposta ta’ Borg waslet wara li l-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, f’laqgħa urġenti li saret lbieraħ filgħaxija, qabel unanimament li l-Kap tal-Partit għandu jkompli bit-taħditiet mal-Prim Ministru dwar din il-kariga, li hija meqjusa bħala waħda mill-aktar pożizzjonijiet istituzzjonali importanti fil-pajjiż.

Il-Partit Nazzjonalista qal li, minkejja li d-diskussjonijiet kienu għadhom għaddejjin, il-Prim Ministru aġixxa unilateralment meta ħabbar pubblikament id-deċiżjoni tal-Gvern li jinnomina mħallef sedenti għall-kariga ta’ Prim Imħallef. Skont il-PN, dan kien bi ksur tal-ftehim li kien intlaħaq bejn Borg u Abela li ebda isem ma kellu jiġi kkomunikat fil-pubbliku qabel ma jintemmu t-taħditiet formali u jintlaħaq qbil.

L-istqarrija tgħid ukoll li l-kummenti li ta l-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard lill-media ngħataw proprju fl-istess ħin li Borg kien għadu kif irċieva l-ittra tal-Prim Ministru li tinfurmah bid-deċiżjoni tiegħu.

Skont il-PN, l-aġir tal-Prim Ministru juri nuqqas ta’ rispett lejn is-serjetà u l-maturità meħtieġa meta tkun qed tiġi kkunsidrata ħatra ta’ din l-importanza, kif ukoll lejn il-membri kollha tal-ġudikatura.

Alex Borg qal li, bl-appoġġ sħiħ tal-Grupp Parlamentari Nazzjonalista, se jżomm mal-prinċipju ta’ kunfidenzjalità u mhux se jkun qed jikkummenta pubblikament dwar dak li qed jiġi diskuss fit-taħditiet mal-Prim Ministru sakemm ma jintlaħaqx qbil dwar min għandu jkun is-suċċessur tal-Prim Imħallef attwali, Mark Chetcuti.

Il-PN sostna li dan l-approċċ huwa meħtieġ biex tinżamm l-irġulija, kif ukoll l-ispirtu u d-dettat tal-Kostituzzjoni ta’ Malta.

More in Kronaka