Żieda ta’ 15% fl-istipendji: il-Gvern jikkjarifika li se tidħol fis-seħħ minn Frar

Il-Ministeru għall-Edukazzjoni jikkjarifika li ż-żieda ta’ 15% fl-istipendji mħabbra fil-Baġit 2026 se tidħol fis-seħħ mill-ħlas ta’ Frar, hekk kif l-istipendju jitħallas xahar b’lura

Wara li diversi studenti rrappurtaw li fl-ewwel stipendju tas-sena ma ġietx riflessa ż-żieda ta’ 15% imħabbra fil-Baġit 2026, il-Ministeru għall-Edukazzjoni kkonferma li din iż-żieda se tibda tidher mill-ħlas ta’ Frar.

Sorsi mill-Ministeru spjegaw li l-istipendju jitħallas xahar b’lura, jiġifieri l-ħlas li sar f’Jannar jirrifletti l-perjodu ta’ Diċembru 2025, meta ż-żieda kienet għadha ma daħlitx fis-seħħ. Għalhekk, l-istipendju ta’ Jannar ma setax jinkludi ż-żieda mħabbra.

Il-Ministeru spjega wkoll li l-ammont tal-istipendju dejjem jiddependi mill-attendenza tal-istudent matul il-perjodu rilevanti, fatt li jista’ jwassal għal varjazzjonijiet fl-ammont li jirċievu xi studenti.

Il-kjarifika ngħatat wara konfużjoni li nħolqot fost l-istudenti, b’ħafna minnhom jistennew li ż-żieda tidher immedjatament fl-ewwel stipendju tas-sena. Il-Ministeru assigura li mill-istipendju ta’ Frar ’il quddiem, l-istudenti se jkunu qed jirċievu l-ammont aġġornat li jinkludi ż-żieda ta’ 15%, kif imwiegħed fil-Baġit 2026.

More in Kronaka