Consuelo Scerri Herrera hija l-preferuta għall-kariga ta’ Prim Imħallef … imma mhux ċert jekk il-PN jaċċettax in-nomina tagħha

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera qed titqies bħala l-għażla preferuta għall-kariga ta’ Prim Imħallef li se tkun vakanti fi Frar li ġej, iżda l-ħatra tagħha teħtieġ l-appoġġ ta’ maġġoranza kwalifikata fil-Parlament

L-Imħallef Consuelo Scerri Herrera hija l-preferuta tal-Gvern Laburista għal kariga ta’ Prim Imħallef. Kariga li ħa tkun vaganti mill-Prim Imħallef Mark Grech li jispiċċa bl-età (68 sena) fi Frar li ġej. 

Il-kariga trid tiġi aċċettata u maqbula bejn iż-żewġ naħat tal-kamra tar-rappreżentanti u jkollha l-appoġġ ta’ tliet kwarti mill-kamra. Scerri Herrera għandha 60 sena u hija kkunsidrata bħala waħda mill-iktar imħallfin kapaċi, u li għandha l-fiduċja tal-Gvern u ta’ ħafna kollegi fil-ġudikatura. Iżda minkejja dan għandha problema man-Nazzjonalisti akkaniti, fosthom nies bħall-Avukat Edward Debono li huwa mdaħħal fit-tmexxija tal-PN u li huwa rikonoxxut bħala Nazzjonalist tal-antik b’lanżita kontra kull min huwa remotament Laburist jew konness mal-Labour.

Scerri Herrera tiġi oħt l-Eks Ministru Laburista Jose Herrera u t-tifla tal-mibki l-Imħallef Joseph Herrera. Hija magħrufa bħala persuna effiċjenti immens u ċara fit-tfassil ta’ deċiżjonijiet fil-Qorti. Kienet il-mira ta’ attakki personali u malizzjużi mill-bloger Daphne Caruana Galizia snin ilu. Caruana Galizia kienet għamlet kantaliena ta’ attakki fuq Scerri Herrera u pinġietha bħala persuna xxellerata minħabba li kienet tagħmel ħafna riċevimenti d-dar tagħha.

Il-kritika skabruża ta’ Caruana Galizia kienet marbuta ma’ inċident fejn Lou Bondi, dakinhar kritiku kbir tal-Partit Laburista, u l-partner tiegħu li kienu mistiedna għall-ikel fid-dar ta’ Consuelo Scerri Herrera u li kienu kixfu xi ntqal f’konverżazzjoni privata dwar tilwim personali fid-dar ta’ Caruana Galizia lil Caruana Galizia. Dan l-episodju wassal biex Caruana Galizia tinfexx f’attakki insensati fuq medda ta’ ġimgħat sħaħ kontra Scerri Herrera.

Minkejja li għadda ż-żmien, Scerri Herrera ġiet ittimbrata ma’ gruppi li kien ġew maħluqa wara l-qtil ta’ Caruana Galizia fis-16 ta’ Ottubru, 2017. Fil-ġurnata tal-qtil ta’ Caruana Galizia, Scerri Herrera kienet il-maġistrata tal-għassa u kienet hi li waslet fuq il-post tal-inċident. Scerri Herrera kienet għażlet li tirrikuża ruħha bħala l-Maġistrat f’dan il-każ minħabba dak li ġara.

Minkejja kollox, Scerri Herrera kompliet b’xogħolha u maż-żmien kienet tispikka għall-ħeffa li kienet toħroġ biha u għad-deċiżjonijiet mirquma li tieħu. Anke fil-każ ta’ inkjesti maġisterjali kienet imfakkra għall-effikaċità fil-konklużjonijiet tagħha.

Dan kollu iżda mhux se jikkonvinċi lill-Partit Nazzjonalista li għadu maħkum minn influwenza estremista tas-segwaċi u ammiraturi ta’ Caruana Galizia li huma xprunati mill-kultura anti-Labour.

Jekk Scerri Herrera ma tiġix aċċettata, l-eqreb persuna li tkun viċin l-aspirazzjonijiet taż-żewġ partiti ewlenin hija l-Imħallef Edwina Grima; imħallef li wriet kapaċijiet fil-karriera tagħha, kif ukoll approċċ matur f’ħafna deċiżjonijiet kontroversjali. 

Isem ieħor li qed jissemma huwa l-Imħallef Wenzu Mintoff, individwu li bbrilla fil-pożizzjoni tiegħu u wera ħiliet uniċi. Hu pprova jibgħat messaġġ lill-PN b’kummenti politiċi kontra Joseph Muscat u Keith Schembri f’waħda mid-deċiżjonijiet tiegħu. Għalkemm huwa kkunsidrat bħala naturali għal din il-kariga, mhux ċert kemm huwa ppreferut miż-żewġ partiti. Mintoff, apparti li huwa n-neputi tal-Perit Mintoff, kien deputat f’isem il-Partit Laburista u fundatur u chairperson tal-Alternattiva Demokratika. Qabel ma sar ġudikanti kien reġa’ lura bħala attivist mal-Partit Laburista.

 

More in Kronaka