Twissija ta’ kawtela fit-toroq wara li silġ qawwi laqat ir-Rabat

Silġ qawwi f’daqqa laqat diversi lokalitajiet, b’mod partikolari r-Rabat u l-Baħrija, u ħoloq kundizzjonijiet perikolużi fit-toroq

Ritratt: Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili
Ritratt: Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili qed iħeġġeġ lill-pubbliku biex jeżerċita kawtela akbar fit-toroq wara rapporti ta’ silġ qawwi li laqat diversi partijiet tal-gżejjer Maltin matul il-lejl.

L-aktar żoni milquta kienu r-Rabat u l-Baħrija, fejn maltempati f’daqqa ta’ silġ ħolqu kundizzjonijiet perikolużi għas-sewqan. Ritratti maħruġa mill-Protezzjoni Ċivili juru dawn iż-żoni miksija b’saff abjad ta’ silġ, b’ħafna toroq spiċċaw jiżolqu.

Is-sewwieqa qed jiġu avżati biex inaqqsu l-veloċità, jevitaw vjaġġi mhux neċessarji fejn possibbli, u jibqgħu attenti għal bidliet rapidi fil-kundizzjonijiet tat-temp.

Ritratt: Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili
Ritratt: Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Skont it-tbassir meteoroloġiku, dawn il-kundizzjonijiet ħżiena tat-temp mistennija jkomplu wkoll nhar is-Sibt, hekk kif inħarġet twissija oranġjo minħabba maltempati qawwija bir-ragħad u silġ.

Intant, it-tbassir jindika li kmieni l-ġimgħa d-dieħla, ir-riħ qawwi se jolqot lill-Gżejjer Maltin, b’kundizzjonijiet li jistgħu jilħqu riħ qawwi ħafna. Il-jum tat-Tnejn u t-Tlieta huma mistennija jkunu l-aktar kritiċi.

Skont l-Uffiċċju Meteoroloġiku ir-riħ jista’ jilħaq Forza 8 fuq l-iskala Beaufort, b’veloċitajiet medji bejn 34 u 40 knot, filwaqt li huma possibbli wkoll raffi li jaqbżu l-40 knot.

Ritratt: Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili
Ritratt: Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili

Dawn il-kundizzjonijiet qed jiġu kkawżati minn żona ta’ pressjoni baxxa li qed tissaħħaħ fuq l-Alġerija u mistennija testendi lejn il-Mediterran ċentrali hekk kif timxi fuq it-Tuneżija. Fl-istess waqt, pressjoni għolja qawwija se tibqa’ stabbilita fuq il-Balkani, u dan il-kuntrast fil-pressjoni qed joħloq riħ qawwi u persistenti fuq Malta u Għawdex.

Il-Met Office nnota li dawn il-kundizzjonijiet mistennija jkunu ferm aktar b’saħħithom mill-medja ta’ Jannar. Fil-fatt, il-veloċità medja tar-riħ irreġistrata f’Jannar 2025 kienet ta’ 8.9 knots, l-istess bħan-norma klimatika fit-tul għal dan ix-xahar.

L-awtoritajiet qed iħeġġu lill-pubbliku jibqa’ infurmat permezz tat-tbassir u t-twissijiet uffiċjali, u jieħu l-prekawzjonijiet meħtieġa fil-jiem li ġejjin.

More in Kronaka