Il-Ministeru għas-Saħħa nieda konsultazzjoni pubblika dwar bidla fil-mod kif iseħħu d-donazzjonijiet ta’ organi f’Malta, iżda l-bidla ma tinkludix sistema fejn il-pubbliku jkun meqjus bħala donatur awtomatikament. Il-Ministru Jo Etienne Abela qal li l-gvern qed jippjana li jintroduċi mudell magħruf bħala donazzjoni wara mewt ċirkolatorja.
B’differenza mid-donazzjoni wara mewt tal-moħħ, il-proċess ta’ DCD jista’ jsir meta pazjent ma jkunx hemm tama li jirkupra u l-ħajja tiegħu tkun qed tinżamm b’kura medika, iżda mingħajr funzjoni tal-moħħ kompletament mitlufa.
Abela spjega li wara konsultazzjoni mal-esperti ma ntqiesx li sistema “opt-out” – fejn kulħadd ikun meqjus donatur sakemm ma jiddeċidix mod ieħor – tagħti riżultati prattiċi aħjar. Minkejja li s-sena li għaddiet kien hemm qbil bejn il-gvern u l-Oppożizzjoni biex tiġi kkunsidrata din l-għażla, il-Ministru sostna li l-introduzzjoni ta’ sistema DCD tista’ twassal għal żieda ta’ 40% sa 50% fil-għadd ta’ trapjanti ta’ organi.
Il-Ministru qal li diġà saru laqgħat ma’ esperti u mexxejja tal-Knisja f’Malta u Għawdex u li hemm qbil ġenerali dwar il-bidla lejn mudell ta’ DCD.
Din ir-riforma mistennija teħtieġ aktar investiment fis-settur tas-saħħa sabiex l-isptarijiet ikunu mgħammra biex ilaħħqu ma’ domanda akbar għal donazzjonijiet u trapianti ta’ organi.
Kif irrappurtat dan l-aħħar mill-gazetta oħt, MaltaToday bħalissa f’Malta hemm 95 pazjent fuq lista ta’ stennija għal trapjant tal-kliewi. Persuna waħda tinsab fil-lista għal trapjant tal-qalb, oħra għal trapjant tal-fwied u tliet pazjenti qed jistennew trapjant tal-pulmun.