PA tapprova seba’ sulari żejda fuq it-torrijiet ta’ Pembroke ta’ DB

Applikazzjoni ta’ DB Group biex iżżid seba’ u sitt sulari żejda mal-proġett tat-torrijiet tiegħu ta’ Pembroke approvata bi tmien voti kontra tnejn, bis-sindku ta’ Pembroke Kaylon Zammit u r-rappreżentant tal-NGO Romano Cassar jivvutaw kontr

Photomontage tal-proġett db Group inkluż is-sulari addizzjonali proposti
Photomontage tal-proġett db Group inkluż is-sulari addizzjonali proposti

Il-Planning Authority approvat żewġ emendi għall-proġett tat-torrijiet tad-DB Group li jippermettu li wieħed mit-torrijiet jitla’ għal 25 sular u l-ieħor għal 23 sular, jiġifieri żieda ta’ seba’ u sitt sulari rispettivament fuq l-approvazzjoni oriġinali. Id-deċiżjoni, li ttieħdet wara żewġ posponimenti konsekuttivi, se twassal biex in-numru ta’ appartamenti jiżdied minn 179 għal 231.

Il-votazzjoni kienet ta’ tmien membri favur u tnejn kontra, bil-rappreżentant tal-ENGOs Romano Cassar u s-Sindku ta’ Pembroke Kaylon Zammit jivvutaw kontra. Il-Chairman Emmanuel Camilleri qal li l-applikazzjoni “taqbel mar-regoli u l-policies eżistenti”.

Cassar sostna li l-impatt viżiv diġà kien wieħed negattiv meta l-proġett kien approvat fl-2022 u l-għoli miżjud se jkompli jagħmel ħsara lill-ambjent urban taż-żona. Huwa semma wkoll li kważi 400 persuna oġġezzjonaw uffiċjalment iż-żieda fis-sulari. Zammit qal li l-proposta se żżid l-impatt negattiv fuq ir-residenti, fosthom dellijiet addizzjonali u pressjoni fuq l-infrastruttura.

Studji ppreżentati fix-xhur li għaddew jikkonfermaw li t-torrijiet se jitfgħu dell fuq residenzi f'Pembroke bejn is-7 a.m. u nofsinhar f’Diċembru, u bejn is-7 a.m. u 10 a.m. f’Settembru.

Il-permiss huwa soġġett għal planning gain ta’ €369,375 lejn il-Planning Fund tal-PA, li għandu jintuża għal proġetti ta’ titjib ambjentali f'Pembroke.

L-applikazzjoni kienet irtirata darbtejn: l-ewwel minħabba n-nuqqas ta’ preżenza tar-rappreżentant tal-NGO, li kien għadu kif ġie maħtur mill-ġdid; u t-tieni minħabba li pjanijiet immodifikati tressqu lejl qabel il-laqgħa. Dawn il-bidliet segwew sentenza tal-Qorti dwar il-proġett Townsquare f'Tas-Sliema, li tesiġi li appartamenti f’żviluppi taħt policy ta’ Floor Area Ratio ikollhom minimu ta’ 150m², u b’hekk il-numru ta’ unitajiet naqas minn 261 għal 231.

Il-posponimenti kienu wkoll marbuta ma’ bidla fil-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali ta’ Pembroke, li wara li inizjalment ma oġġezzjonax, spiċċa ivvota kontra l-proġett.

F’seduta preċedenti, il-perit Anton Valentino, li deher f’isem il-Kunsill Lokali ta’ Swieqi, qajjem tħassib dwar l-impatt tat-traffiku. Il-permess tal-2022 kien approvat soġġett għal impenn tal-gvern għal infrastruttura ġdida tat-trasport, li dak iż-żmien kienet proposta bħala mina. Minn dakinhar, il-proġett tal-mina ġie abbandunat, iżda rappreżentant tad-Direttorat tal-Ippjanar qal li l-impenn kien ġenerali, mhux marbut ma’ proġett partikolari. Żied jgħid li proposta ġdida ta’ flyover fis-Swieqi tinsab bħalissa fi stadju ta’ screening.

Il-proġett tdt-DB Group, li ilu suġġett ta’ kontroversja pubblika għal snin, issa jista’ jkompli lejn il-fażi ta’ kostruzzjoni u bejgħ tal-unitajiet residenzjali f'Pembroke.

More in Kronaka