Twissijiet fuq l-istat tal-Batterija Riħama intlifu qalb il-burokrazija

Il-Gvern se jwaqqaf entita' responsabbli għal periklu lill-pubbliku bħal xquq jew strutturi abbandunati f'bini tal-gvern u anke privat, riżultat tal-inkjesta maġisterjali wara l-mewt ta' Mirabelle Falzon

Mirabelle Falzon li tilfet ħajjitha s-sena l-oħra f'aċċident fil-Batterija Riħama
Mirabelle Falzon li tilfet ħajjitha s-sena l-oħra f'aċċident fil-Batterija Riħama

Twissijiet u rapporti dwar l-istat perikoluż tal-Batterija Riħama f’Marsaskala ntilfu fil-burokrazija, u wasslu għall-mewt ta’ Mirabelle Falzon.

Mirabelle kellha 22 sena meta mietet wara li waqgħu l-blat fuqha f’Baħar San Tumas f’Lulju tas-sena l-oħra.

Id-dettalji tal-inkjesta maġisterjali dwar il-mewt tagħha huma s-suġġett ta’ konferenza tal-aħbarijiet fuq il-post fejn mietet, nhar is-Sibt fis-10:00am, bil-gvern ħabbar stqarrija ftit sigħat qabel.

Il-gvern għadu ma ppubblikax l-inkjesta.

Fi stqarrija qabel il-konferenza, il-gvern qal li se jkun qed jimplimenta r-rakkomandazzjoni tal-inkjesta biex tiġi stabbilita entità ċentrali waħda responsabbli biex tirċievi rapporti dwar bini tal-gvern jew privat, kif ukoll ħitan, xquq jew strutturi abbandunati li jpoġġu lill-pubbliku f’periklu.

Il-gvern qal li din l-entità se tippermetti li tittieħed azzjoni aktar malajr u tagħmel aktar faċli għall-pubbliku biex jippreżenta rapporti urġenti dwar binjiet perikolużi li jinsabu f’riskju imminenti ta’ kollass.

Il-gvern insista li l-inkjesta maġisterjali tgħid li l-istat mitluq tal-Batterija Riħama huwa dovut għal proċessi naturali ta’ erożjoni.

L-istqarrija inkludiet ukoll numru ta’ kwotazzjonijiet mill-inkjesta, b’waħda minnhom tisħaq: “F’dan il-każ, parti mill-faċċata tal-blat qalgħet u waqgħet, u kkawżat fatalità. L-analiżi wriet li l-blat jinsab fi proċess kontinwu u inevitabbli ta’ rtirar. Mhuwiex sorprendenti li l-faċċata tal-blat in kwistjoni kienet qed tkompli tiddeterjora, kif jindika x-xatt li qed jirtira u l-kollass imxerrid tal-ħitan ta’ barra tal-batterija.”

More in Kronaka