Minkejja li t-triq ippjanata għal Marsalforn se ssir xorta, proġett li qala’ ħafna kritika minn ambjentalisti, bdiewa, u għaqdiet ċivili, l-impatt ambjentali tagħha ħa jkun ħafna inqas.
“Wara ħames snin ta’ taqbid minn Din l-Art Ħelwa biex issalva l-Wied ta’ Marsalforn, il-proġett tat-twessigħ tat-triq xorta se jsir, iżda b’titjib sinifikanti mill-pjanijiet oriġinali,” qalet l-għaqda ambjentalista fi stqarrija.
Fil-fatt, minn 183 siġra li kienet se titqaċċat, 13 biss se jintilfu minħabba x-xogħlijiet. 202 siġriet mhux se jintmessew u 86 siġra se jiġu ttrapjantati lura.
Hemm 13-il siġra tal-ewkaliptus li potenzjalment se jitneħħew u jippruvaw iħawluhom mill-ġdid, iżda ċ-ċans li dawn isalvu huwa minimu.
Apparti dawn is-siġar, il-gvern qed jippjana wkoll biex iħawlu 300 siġra ġdid tul it-triq. B’hekk “iż-żewġ central strips, ikkaratterizzati minn ringieli sbieħ ta’ siġar tul it-triq, issa se jinżammu,” qalet DLĦ.
Barra mis-siġar, minn 390 arbuxell li kienu se jitqaċċtu, 259 issa mhux se jintmessu u ħames arbuxelli li huma meqjusin ta’ speċi rari se jiġu ttrapjantati. Iżda 131 arbuxell se jitqaċċtu.
Minkejja li l-proġett ħa jikber b’xi 5,567 metru kwadru biex ikopri totali ta’ 41,894 metru kwadru, DLĦ xorta esprimiet kuntentezza hekk kif 5,175 ta’ art espropjata li kienet se titgħatta bit-tarmak iżda se titħalla fl-istat naturali tagħha u se titħawwel b’siġar ġodda.
“393 metru kwadru t’art agrikola biss se ssir parti mit-triq il-ġdid,” qalet l-organizzazzjoni.
Minkejja li t-triq ħa jkollha ħafna inqas impatt ambjentali, DLĦ minn dejjem sostniet li l-proġett huwa żejjed għax kulma kien hemm bżonn huwa “wiċċ ġdid għat-triq eżistenti u t-tneħħija ta’ żewġ jew tliet punti ta’ periklu potenzjali.”
L-inkwiet ta’ DLĦ kien it-telf t’art agrikola, it-tqaċċit tas-siġar, il-ħsara potenzjali lill-kanali tal-ilma, u d-degradazzjoni tal-Wied ta’ Marsalforn.
B’hekk, l-għaqda ambjentali daħlet b’ruħha u ġisimha f’negozjati biex l-impatt ambjentali ta’ dal-proġett jitnaqqas kemm jista’ jkun. Wara ħames snin ta’ negozjati, is-suċċess inkiseb riċentament.
Godfrey Swain, wieħed mill-fundaturi ta’ Din l-Art Ħelwa Għawdex, qal, “ir-riżultat finali huwa meqjus bħala riżultat raġonevoli fiċ-ċirkostanzi, u l-proċess segwit f’dan il-proġett jista’ jservi bħala mudell fuqiex proġetti infrastrutturali fil-futur jistgħu jiġu miftiehma ma’ NGOs biex inħarsu l-ambjent naturali tagħna.”
Il-President Eżekuttiv ta’ Din l-Art Ħelwa, Patrick Calleja, qal, “kulma kien jeħtieġ kien it-tiswija tal-wiċċ tat-triq biss. L-akbar riskju għal dan il-wied pittoresk u trankwill huwa l-urbanizzazzjoni ulterjuri tar-rotta lejn Marsalforn u t-telf tal-bijodiversità fiż-żona. Sfortunatament, jidher li x-xogħol tat-triq xorta se jsir. Għamilna minn kollox biex niżguraw li t-triq iżżomm is-seħer rurali u s-sbuħija naturali tagħha. Il-proposta li rajna issa tikkonkludi snin ta’ diskussjonijiet li spiss kienu kważi se jfallu. Se nibqgħu viġilanti.”