Il-kap eżekuttiv il-ġdid tal-Awtorità tal-Ippjanar jisħaq li l-permessi jżommu l-prezzijiet tal-propjetà baxxi

Johann Buttigieg reġa’ għandu t-tmun tal-Awtorità tal-Ippjanar f’idejh wara ħames snin nieqes • Tliet snin minnhom kien konsulent ta’ żviluppaturi kbar bħal Michael Stivala

Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)
Il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg (Ritratt: James Bianchi/MaltaToday)

L-eks kap eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg reġa’ sab postu fil-quċċata tal-istess awtorità—riappuntament li ntlaqa’ b’entużjażmu mill-iżviluppaturi iżda b’rabja mill-ambjentalisti, fejn dawn tal-aħħar qalu li hemm wisq qrubija bejn Buttigieg u l-iżviluppaturi.

“Dik il-perċezzjoni tagħhom, mhux tiegħi,” qal Buttigieg bil-kalma f’intervista mal-ġurnalist ta’ MaltaToday James Debono. Il-kap il-ġdid insista li m’għandux inkwiet dwar kunflitt t’interess għax irrappreżenta kemm żviluppaturi kif ukoll dawk li joġġezzjanaw għall-iżvilupp.

Barra minn hekk, Buttigieg qal li għamel sentejn kap eżekuttiv tal-Awtorità Maltija tat-Turiżmu, jiġifieri kien hemm spazju mhux ħażin bejn il-pożizzjoni pubblika u dik privata li ħa wara li telaq mill-Awtorità tal-Ippjanar.

Buttigieg jixtieq jagħti x’jifhem li huwa wieħed li jirranġa l-problemi, u li jixtieq itaffi l-backlog ta’ applikazzjonijiet li tirċievi l-awtorità. Fil-fatt, fl-intervista, Buttigieg qal li hemm iktar minn 6,400 applikazzjoni pendenti, li hija ħafna iktar mil-limitu legali ta’ 3,700. B’hekk hu jixtieq li jnaqqas dan-numru għal 3,000 sas-sena li ġejja.

Barra minn hekk, il-kap eżekuttiv wiegħed li fi tliet xhur jimplimenta l-wegħda tal-gvern li jiġu sospiżi x-xogħlijiet meta permess jiġi appellat. Meta jiġi appellat il-permess, spjega Buttigieg, il-permess jiġi wkoll sospiż, u t-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar għandu erba’ xhur biex jiddeċiedi jikkanċellax jew jivvalidax il-permess. U jekk jerġa’ jiġi appellat fil-qrati, is-sospenzjoni tiżdied bi tliet xhur.

Meta Debono staqsa lil Buttigieg dwar is-salarju tiegħu, li huwa ħafna ogħla minn tal-ministru tal-istess settur, il-kap tal-awtorità wieġeb billi jgħid li s-salarju huwa simili ta’ dak ta’ kapijiet eżekuttivi oħrajn.

Barra minn hekk, is-salarju jirrifletti s-sigħat u responsabbiltajiet tiegħu. “L-impjegati jistgħu jikkonfermaw li nibda fit-8am u rari nitlaq qabel it-8pm,” kompla jgħid Buttigieg bħala ġustifikazzjoni tas-salarju ta’ €140,000 li jirċievi.

Il-mexxej tal-awtorità ġie mistoqsi wkoll jekk hemmx bżonn ta’ aġġornament fil-pjanijiet lokali peress li dawn kienu maħluqa fi żminijiet differenti. Buttiegi qabel mal-bżonn ta’ aġġornament wara 20 sena, jiġifieri fl-2026, iżda wera xewqa biex l-ewwel jiġi aġġornat il-Pjan Strateġiku dwar l-Ambjent u l-Iżvilupp (SPED) biex jiġu stabbiliti l-prijoritajiet ta’ kif tiġi użata l-art.

Fejn jidħlu permessi, Debono staqsa kemm hi sostenibbli li jinħareġ numru kbir ta’ permessi, fejn l-Awtorità tal-Ippjanar tat mal-91,000 permess fl-aħħar 10 snin, b’21,000 minnhom fuq art li ma kinitx żviluppata.

Għal din, Buttigieg wieġeb, “kieku ma ħriġniex dawn il-permessi, Malta kien ikolli kriżi ta’ akkommodazzjoni bħal pajjiżi Ewropej oħrajn.” Il-kap sostna li din hija sempliċiment kwistjoni tal-bilanċ bejn id-domanda u l-provvista u kieku ma jinħarġux iktar permessi, il-prezzijiet tal-propjetà jkomplu jogħlew.

Iżda Debono kompla jagħfas u qal li minkejja n-numru rekord ta’ permessi, xorta hemm kriżi ta’ affordabbiltà fis-settur tal-propjetà. Buttigieg irrikonoxxa l-problema u qal li jixtieq jindirizzaha.

“Fattur minnhom huwa l-qies tal-appartamenti—il-minimu ta’ Malta għal appartament b’kamra tas-sodda waħda huwa ta’ 55 metru kwadru, filwaqt li tal-Italja huwa ta’ 37 metru kwadru, ta’ Pariġi 18 metru kwadru, u ta’ Londra 21 metru kwadru,” qal il-kap eżekuttiv. Barra minn hekk, saħaq li hemm bżonn li jiġi aġġornat il-limitu ta’ 20% fuq appartamenti b’kamra tas-sodda waħda f’kull blokka għax mhijiex riflessjoni tar-realtà.

Meta ġie mistoqsi dwar xi falliment li kellu Buttigieg meta kien mal-Awtorità tal-Ippjanar l-ewwel darba, il-kap qal li falliment kbir kien id-disinn tal-bini “għax il-periti ħafna drabi jinjoraw il-kuntest.” B’hekk, flimkien mal-Kamra tal-Periti, ħa jinħatar bord imsejjaħ il-Bord tar-Reviżjoni tad-Disinji biex jeżamina d-disinji arkitettoniċi qabel ma jilħqu l-bord tal-Awtorità tal-Ippjanar.

Tistgħu taraw l-intervista sħiħa hawnhekk: [WATCH] Johann Buttigieg: ‘Issuing permits helps keep property prices in check’

More in Kronaka