L-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) waqqfet lil Lidl milli tixtri s-supermarket ta' Scotts f’Ħaż-Żabbar, minħabba tħassib dwar id-dominanza eċċessiva tal-katina ta’ ħwienet li hu għandu fin-nofsinhar ta’ Malta.
Id-deċiżjoni ttieħdet din il-ġimgħa wara investigazzjoni li bdiet fl-2021 dwar l-akkwist propost minn Lidl Immobiliare Malta Limited ta’ proprjetà f’Triq Il-Mina Ta' Hompesch, li tappartjeni lil Said Investments Limited.
Lidl diġà għandu ħwienet f’diversi lokalitajiet bħall-Burmarrad, Santa Venera, San Ġwann, Żejtun, Safi, Ħal Luqa, Ħal Qormi, il-Mosta, Tas-Sliema, u Victoria f’Għawdex. Barra minn hekk, Lidl qed jibni supermarket ġdid f'Ħaż-Żebbuġ u ftit ilu kiseb l-approvazzjoni biex jiftaħ ieħor f'Ħal Qormi.
L-investigazzjoni dwar l-akkwist tal-ħanut f’Ħaż-Żabbar beda’ f’Jannar 2021 wara li l-MCCAA kienet infurmata bix-xiri ta’ Lidl f’żewġ biċċiet art f’Ħ’Attard, kif ukoll is-supermarkets ta’ Burmarrad u Żabbar.
Minkejja li l-MCCAA approvat l-akkwist tal-outlet fil-Burmarrad u anke żona tal-parkeġġ, u l-istess f'Tas-Sliema, hija esprimiet ir-riżervi tagħha dwar l-akkwist ta’ proprjetà f'Ħaż-Żabbar. Wara tliet snin, l-Awtorità ikkonfermat il-projbizzjoni fuq din il-ftehim.
Skont il-MCCAA, diversi stakeholders inklużi dawk fis-suq tal-merċa esprimew it-tħassib tagħhom li dan il-ftehim kien ser jagħti vantaġġ eċċessiv lil Lidl u jaffettwa l-kompetizzjoni, kif ukoll il-ħarsien tal-konsumaturi.