Aktar minn 40 artist lokali se jipparteċipaw għall-avveniment tal-aħħar tokki tas-sena

Owen Luellen, Brooke, Jasmine, Kevin Paul Calleja fost l-artisti li se jimlew il-Belt Valletta bil-briju u l-mużika

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici u ċ-Chairman tal-Aġenzija Kulturali għall-Belt Valletta Jason Micallef qalu li l-avveniment ta’ Lejlet l-Ewwel tas-Sena se jkun l-akbar wieħed fl-aħħar snin proprju għaliex se jkun hemm is-sehem ta’ aktar minn 40 artist lokali.

Micallef appella lill-pubbliku biex lejliet l-ewwel tas-sena jżur il-belt kapitali u jattendi għal dan l-avveniment bla ħlas biex igawdi minn atosfera mill-isbaħ ta’ briju u mużika.

Il-lejla se tibda b’mużika minn Kurt Calleja and Band, segwita mill-mistiedna speċjali The Brass House Unit taħt it-tmexxija ta’ Kevin Abela, u minn diversi kantanti lokali stabbiliti fosthom Aidan Drakard, Amanda Marie, Brooke, Gloriana Arpa Belli, Jasmine, Kevin Paul Calleja, Ludwig Galea, Owen Luellen, Ozzy Lino, Pawlu Borg Bonaci u Tiziana Calleja.

Eżatt qabel il-countdown, The Brass House Unit, flimkien mad-DJ lokali Debrii, se jkunu qed joffru spettaklu lill-eluf miġbura fil-Belt Valletta kif ukoll lil dawk li se jkunu qed isegwu t-trasmissjoni diretta taċċelebrazzjonijiet fuq l-istazzjonijiet televiżivi lokali minn djarhom.

Ron, Taryn Mamo Cefai, Claire Agius Ordway u Clint Bajada se jkunu qed jippreżentaw din is-serata.

More in Kronaka