Raġel jaqa' tliet sulari u jispiċċa fuq karozza pparkjata f'Ħal Luqa

Huwa kellu jittieħed l-isptar fejn ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi gravi...

Illum, għall-ħabta tad-9:00 a.m il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza fi Triq Ġorġ Zahra, Ħal Luqa.

Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari li sar, irriżulta li raġel ta’ 45 sena residenti Ħal Luqa, kien qiegħed jagħmel xi xogħol ta’ tindif fil-gallarija, waqa’ għoli ta’ madwar tliet sulari u spiċċa fuq karozza li kienet ipparkjata.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza ħadet il-vittma l-Isptar Mater Dei sabiex jingħata l-kura meħtieġa. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi ta’ natura gravi. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

More in Kronaka