Erbgħa l-isptar wara ġlieda b'xabla bejn grupp ta' rġiel f'San Ġiljan

Ħames persuni oħra ġew arrestati u qed jassistu lill-Pulizija

Erba' persuni ddaħħlu Mater Dei wara ġlieda bejn għadd ta' rġiel fi Triq San Ġorġ, San Ġiljan.

Il-każ seħħ għall-ħabta tal-erbgħa u kwart ta’ dalgħodu fejn issejħu l-Pulizija tad-distrett u anke l-Pulizija tar-Rapid Intervention Unit.

Skont il-Pulizija, waqt l-argument intużat xabla u oġġett tal-ħġieġ.

Fuq il-post issejjaħ tim mediku sabiex jassisti u numru ta’ ambulanzi li ħadu Libjan ta’ 36 sena, Iranjan ta’ 24 sena, Ingliż ta’ 28 sena u raġel ieħor, li l-identità tiegħu għadha mhiex magħrufa, l-Isptar Mater Dei għall-kura.

Aktar tard, huma ġew iċċertifikati li sofrew ġrieħi gravi.

Ħames barranin oħra qegħdin jassistu lill-Pulizija fl-investigazzjonijiet, li għadhom għaddejjin.

Il-Maġistrat tal-Għassa Elaine Mercieca ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta.

More in Kronaka