It-Traġedji tal-2026 S’issa

Minn omiċidji u inċidenti tat-traffiku għal fatalitajiet fuq il-post tax-xogħol u traġedji fil-baħar, l-ewwel disa’ xhur tal-2026 ħallew warajhom sensiela ta’ mwiet li laqtu familji u komunitajiet madwar Malta u Għawdex

Żewġ omiċidji, imwiet fit-toroq u fuq il-post tax-xogħol, persuni li tilfu ħajjithom fil-baħar, oħrajn li waqgħu minn għoli u diversi persuni li nstabu mejta: fl-ewwel disa’ xhur tal-2026, bosta familji kellhom jaffaċċjaw traġedja li waslet għall-għarrieda. 

L-aħħar każ seħħ proprju nhar l-Erbgħa, 23 ta’ Settembru, meta Miriam Azzopardi, Maltija ta’ 48 sena, instabet mejta f’għalqa fi Triq is-Salib tal-Marsa. 

Il-katavru tagħha ġie nnutat waqt ronda tal-Pulizija wara li persuni avviċinaw lill-uffiċjali u infurmawhom bis-sejba. Wara l-awtopsja, il-Pulizija bdiet tittratta l-każ bħala omiċidju.  

B’hekk, il-każ fil-Marsa sar it-tieni omiċidju rrappurtat din is-sena, wara l-qtil ta’ Charlotte Zammit fiż-Żabbar f’Awwissu. 

Iżda bejn l-ewwel jiem ta’ Jannar u l-aħħar ġranet ta’ Settembru, il-pajjiż ra ħafna aktar imwiet traġiċi — uħud f’inċidenti ċari, oħrajn f’ċirkostanzi li għall-inqas fil-bidu kienu għadhom iridu jiġu stabbiliti. 

Jannar jibda bi traġedja f’Ħal Qormi 

Is-sena kienet ilha li bdiet biss tlett ijiem meta raġel ta’ 76 sena tilef ħajtu f’Ħal Qormi wara li ġġarraf ħajt li kien jagħmel parti minn residenza privata fi Triq Farsina. 

Ir-raġel kien qed jagħmel xi xogħol flimkien ma’ ibnu meta l-ħajt ċeda. Huwa miet fuq il-post, filwaqt li ibnu ttieħed l-isptar bi ġrieħi gravi.  

Ħamest ijiem wara, fit-8 ta’ Jannar, raġel ta’ 64 sena mill-Mosta miet wara li waqa’ madwar erba’ sulari għal ġo xaft f’residenza fi Triq il-Ħarifa. Huwa ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.  

Fis-17 ta’ Jannar, Filippin ta’ 55 sena tilef ħajtu wara li waqa’ fil-baħar waqt li kien qed jaħdem madwar 15-il mil nawtiku ’l barra minn Wied il-Għajn. Raġel ieħor qabeż fil-baħar biex jipprova jsalvah u, bl-għajnuna ta’ membri oħra tal-ekwipaġġ, tellgħuh lura abbord, iżda l-vittma ġiet iċċertifikata mejta. 

L-għada, fit-18 ta’ Jannar, il-Pulizija rkuprat katavru ta’ raġel mill-baħar fil-Bajja ta’ San Ġorġ, San Ġiljan. Il-ġisem kien fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni u dak iż-żmien ma setax jiġi identifikat.  

Kien biss f’April li l-Pulizija kkonfermat li l-katavru kien ta’ Samiel Daroussi, Franċiż ta’ 30 sena li kien ġie rrappurtat nieqes fis-6 ta’ Jannar.  

Fil-25 ta’ Jannar, instab katavru ieħor fil-baħar, din id-darba fil-Bajja tal-Ġnejna. Il-ġisem, li deher li kien ta’ mara, kien ukoll fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni u fil-mument tas-sejba ma setax jiġi identifikat.  

Tlett ijiem wara, fil-28 ta’ Jannar, intemmet b’mod traġiku t-tfittxija għal Oliwia Wojnowska, tifla Pollakka ta’ 13-il sena li kienet inġarret mill-baħar fiċ-Ċirkewwa. Wara tfittxija fuq diversi jiem, żewġ bugħaddasa sabu l-katavru tagħha.  

Frar: l-ewwel vittma fit-toroq u tliet katavri fil-baħar 

Fit-12 ta’ Frar, Joe Cutajar, ta’ 44 sena min-Nadur, sar l-ewwel vittma tat-toroq tal-2026 wara ħabta bejn il-mutur li kien qed isuq u karozza f’Għajnsielem 

Iżda Frar kien ikkaratterizzat ukoll minn sensiela mhux tas-soltu ta’ sejbiet ta’ katavri fil-baħar. 

Fit-18 ta’ Frar instab katavru fl-inħawi ta’ Fomm ir-Riħ u ttella’ l-art mill-Forzi Armati ta’ Malta. Il-ġisem kien fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni u ma setax jiġi identifikat immedjatament.  

Jumejn wara, fl-20 ta’ Frar, instab katavru ieħor fil-baħar qrib Paradise Bay u ċ-Ċirkewwa, ukoll fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni.  

Fis-27 ta’ Frar, katavru ieħor ġie osservat fil-baħar ’il barra mill-irdumijiet tal-Fawwara. Dan ukoll ġie rkuprat mill-Forzi Armati u kien fi stat avvanzat ta’ dekompożizzjoni. Kien it-tielet katavru ta’ dan it-tip irkuprat mill-baħar fi spazju ta’ ftit jiem.  

Marzu: fatalità fuq ix-xogħol u oħra fit-triq 

Fit-2 ta’ Marzu, Robert Micallef, missier ta’ żewġt itfal ta’ 34 sena, miet wara li ntlaqat minn forklift li kien qed jopera f’maħżen fi Triq Burmarrad, fil-limiti tan-Naxxar.  

Jumejn wara, mara ta’ 70 sena tilfet ħajjitha Mater Dei wara li kienet intlaqtet minn vettura fi Triq iż-Żebbiegħ, l-Imġarr. Hija saret it-tieni vittma tat-toroq matul is-sena.  

April: mit-toroq għall-baħar u l-post tax-xogħol 

Fl-10 ta’ April, raġel ta’ 60 sena minn Ħaż-Żebbuġ miet fis-Siġġiewi wara li l-mixer tal-konkos li kien qed isuq ħabat ma’ arblu tad-dawl fi Triq tal-Providenza.  

Fis-17 ta’ April, bugħaddas Ingliż ta’ 64 sena tilef ħajtu wara li sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qed jogħdos ’il barra minn Wied iż-Żurrieq. Huwa ttella’ mill-baħar u ttieħed Mater Dei, iżda ġie ċċertifikat mejjet ftit wara.  

Erbat ijiem wara, fil-21 ta’ April, Jurgen Cassar, ta’ 40 sena, miet f’Ħal Qormi wara li nqabad fil-makkinarju fuq wara ta’ trakk tal-iskart waqt li kien qed jaħdem fuqu.  

Tifel ta’ erba’ snin jitlef ħajtu f’Mejju 

F’Mejju, Malta kienet ixxukkjata bil-mewt ta’ tifel ta’ erba’ snin. 

It-tifel kien waqa’ f’pixxina f’residenza privata f’Marsaxlokk u ttella’ mill-ilma mitluf minn sensih. Huwa ddaħħal fit-taqsima tal-kura intensiva, iżda miet fl-isptar ftit jiem wara, fis-17 ta’ Mejju.  

Ġunju: traġedja mhux tas-soltu f’Kemmuna 

Fis-27 ta’ Ġunju, raġel ta’ 71 sena mill-Mosta miet f’għalqa f’Ħ’Attard waqt li kien qed juża grinder.  

L-għada, turist Ċiniż ta’ 26 sena tilef ħajtu f’inċident straordinarju qrib Kemmuna. 

Blata kbira ċediet minn arkata naturali u waqgħet fuq jet ski li kien għaddej minn taħtha. Ir-raġel spiċċa fil-baħar u l-katavru tiegħu ġie rkuprat minn qiegħ il-baħar madwar 24 siegħa wara. Mara ta’ 27 sena li kienet miegħu korriet gravi.  

Lulju: xahar ikkaratterizzat minn sensiela ta’ mwiet 

Fit-3 ta’ Lulju, żagħżugħ Spanjol ta’ 18-il sena miet f’San Ġiljan wara li waqa’ għoli ta’ madwar erba’ sulari. Huwa ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post.  

Fl-10 ta’ Lulju, raġel ta’ 76 sena tilef ħajtu fis-Sannat, Għawdex, wara li waqa’ minn sellum u spiċċa f’bitħa interna diversi sulari aktar ’l isfel. 

Ftit jiem wara, fl-14 ta’ Lulju, żewġ persuni nstabu mejta f’karozza pparkjata f’garaxx f’Marsaskala. 

Il-vittmi kienu Ryan Spiteri, ta’ 47 sena, u Jessica Camilleri, ta’ 41 sena. L-awtopsji stabbilixxew li t-tnejn mietu b’avvelenament aċċidentali bil-monossidu tal-karbonju. Il-Pulizija eskludiet l-involviment ta’ terzi persuni.  

Fil-15 ta’ Lulju, ħaddiem Niġerjan ta’ 40 sena li kien jgħix Birżebbuġa miet wara li waqgħet fuqu kwantità ta’ madum f’maħżen fi Triq il-Wied, Ħal Qormi.  

Jumejn wara, raġel ta’ 74 sena mill-Mellieħa tilef ħajtu meta nqabad bejn trakk u gaffa mekkanika waqt li kien qed iniżżel il-makkinarju.  

Fid-19 ta’ Lulju, Nadab John, ġuvni ta’ 15-il sena mill-Pakistan li kien jgħix ix-Xgħajra, miet wara li sab ruħu f’diffikultà waqt li kien qed jgħum. 

Persuni li kienu fuq il-post tellgħuh mill-baħar u bdew jagħtuh l-ewwel għajnuna, iżda huwa miet ftit wara li ttieħed l-isptar.  

Awwissu: minn persuni li nstabu mejta għall-ewwel omiċidju tas-sena 

Id-9 ta’ Awwissu ġab miegħu tmiem traġiku għal tfittxija għal Eusebio Abela, ta’ 57 sena. 

Wara li ġie rrappurtat nieqes, huwa nstab mejjet f’għalqa fil-limiti ta’ Bulebel. Il-Pulizija qalet li kienet qed teskludi l-involviment ta’ terzi persuni.  

L-għada, fl-10 ta’ Awwissu, Redeemer Grima, bugħaddas ta’ 41 sena mir-Rabat, miet waqt li kien qed jagħmel xogħol fil-baħar qrib il-Gżejjer ta’ San Pawl. Huwa ttella’ l-art mill-Forzi Armati fil-moll ta’ Buġibba iżda ġie ċċertifikat mejjet ftit wara.  

Fil-11 ta’ Awwissu, Mohammed Abdul Jawad, ta’ 27 sena, tilef ħajtu wara ħabta bejn it-trakk li kien qed isuq u trailer fi Triq Ħandaq, il-Qormi. 

Erbat ijiem wara, fil-15 ta’ Awwissu, Malta rreġistrat dak li ġie rrappurtat bħala l-ewwel omiċidju tas-sena. 

Charlotte Zammit, ta’ 44 sena mix-Xgħajra, instabet mejta f’kamra tas-sodda f’residenza fiż-Żabbar wara li sparalha. (mnafx toqod I want to say got shot) 

Roderick Azzopardi, ta’ 42 sena, ġie arrestat fuq il-post u aktar tard tressaq il-Qorti akkużat b’rabta mal-qtil tagħha, fejn wieġeb mhux ħati.  

Fl-24 ta’ Awwissu, tfittxija oħra għal persuna nieqsa ntemmet fi traġedja. 

Susan Mary Borg instabet mejta f’għalqa fil-makkja qrib Triq in-Nixxiegħa, il-Mellieħa, wara li kienet ġiet irrappurtata nieqsa. Il-Pulizija qalet li kienet qed teskludi l-involviment ta’ terzi persuni.  

Fid-29 ta’ Awwissu, bugħaddas Ukren ta’ 48 sena ttella’ mejjet mill-baħar wara li kellu problema waqt li kien qed jogħdos ’il barra minn Tas-Sliema. Investigazzjonijiet preliminari indikaw li seta’ sofra problema medika waqt l-għads.  

L-għada, fit-30 ta’ Awwissu, Kelly Caruana, ta’ 18-il sena, mietet Mater Dei wara li l-kundizzjoni tagħha marret għall-agħar b’riżultat ta’ inċident tat-traffiku f’Ħal Qormi li kien seħħ fil-21 ta’ Awwissu.  

Settembru: 2 fatilitajiet fit-toroq, traġedja fil-baħar u t-tieni omiċidju 

Fit-8 ta’ Settembru, Francesco Brincat, żagħżugħ ta’ 26 sena mill-Marsa, tilef ħajtu f’inċident tat-traffiku li involva tliet vetturi fi Triq il-Kbira San Ġużepp, Santa Venera. 

Brincat kien qed isuq Mazda Demio li nqalbet mal-impatt. Huwa ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. 

Tlett ijiem wara, fil-11 ta’ Settembru, Sebastian Schembri, ta’ 34 sena minn Bormla, tilef ħajtu f’inċident ieħor tat-traffiku fi Triq Ħal Far, il-Gudja. 

Schembri kien qed isuq mutur meta kien involut f’ħabta ma’ trakk. Minkejja l-assistenza medika, huwa ġie ċċertifikat mejjet fuq il-post. 

Fid-19 ta’ Settembru, turist Ingliż ta’ 59 sena miet f’inċident waqt parasailing ’il barra minn San Ġiljan. 

Ir-raġel u mara ta’ 60 sena waqgħu fil-baħar wara li nqalgħet problema minħabba r-riħ. Ir-raġel ġie ċċertifikat mejjet, filwaqt li l-mara ttieħdet l-isptar bi ġrieħi gravi. 

Erbat ijiem biss wara waslet l-aħbar ta’ traġedja oħra. 

Fit-23 ta’ Settembru, Miriam Azzopardi, ta’ 48 sena, instabet mejta f’għalqa fi Triq is-Salib tal-Marsa. 

Wara l-awtopsja, il-Pulizija bdiet tittratta l-mewt tagħha bħala omiċidju, it-tieni wieħed irrappurtat fil-pajjiż din is-sena. 

Ħajjiet li ntemmu għall-għarrieda 

Wara kull wieħed minn dawn il-każijiet hemm ċirkostanzi differenti. 

Uħud kienu omiċidji. Oħrajn kienu inċidenti tat-traffiku jew fuq il-post tax-xogħol. Oħrajn tilfu ħajjithom fil-baħar, f’waqgħat jew f’inċidenti li ħadd ma seta’ jbassar. 

Kien hemm ukoll dawk il-każijiet fejn l-ewwel aħbar ma kinitx dwar kif persuna mietet, iżda sempliċement li persuna kienet instabet mejta — f’għalqa, fil-baħar jew f’residenza — biex wara beda l-proċess tal-investigazzjoni biex jiġi stabbilit x’kien ġara. 

F’diversi każijiet, il-Pulizija eskludiet l-involviment ta’ terzi persuni. F’oħrajn, inkjesti maġisterjali u investigazzjonijiet baqgħu għaddejjin biex jiġu stabbiliti ċ-ċirkostanzi eżatti. 

Iżda lil hinn mill-mod kif seħħet kull traġedja, ir-riżultat baqa’ l-istess: persuna li ħarġet mid-dar u ma reġgħetx lura, familja li tilfet lil xi ħadd għall-għarrieda, u komunità li sabet ruħha quddiem aħbar oħra ta’ ħajja mitlufa. 

U hekk, b’aktar minn tliet xhur għad fadal biex tintemm l-2026, l-ewwel disa’ xhur tas-sena diġà ħallew warajhom sensiela twila ta’ traġedji li mmarkaw familji madwar Malta u Għawdex. 

More in Kronaka