Studenti Graffitti jitolbu r-riżenja tal-Ministru tal-Kultura wara l-kummenti tiegħu dwar l-arti
L-organizzazzjoni studenteska tgħid li Malcolm Paul Agius Galea wera nuqqas ta’ fehim tas-settur kulturali u tisħaq li l-Istat m’għandux jiddeċiedi x’tip ta’ espressjoni artistika hija aċċettabbli
minn Jaelle Borg
Studenti Graffitti ngħaqdet mal-vuċijiet li qed jitolbu r-riżenja tal-Ministru tal-Kultura Malcolm Paul Agius Galea, wara l-kummenti tiegħu dwar il-limiti tal-espressjoni artistika u l-finanzjament pubbliku tal-arti.
Fi stqarrija appoġġjata minn diversi organizzazzjonijiet studenteski, Studenti Graffitti qalet li tinsab diżappuntata u allarmata bil-pożizzjoni tal-Ministru, li skontha turi nuqqas ta’ fehim tan-natura u l-importanza tas-settur kulturali Malti.
“Li nisimgħu lill-persuna maħtura biex tħares u trawwem is-settur tagħna tiddeskrivi ż-żmien tagħha fil-kariga bħala ‘trawmatiku’, filwaqt li tqis il-ħsieb kreattiv bħala ‘preżuntuż u perikoluż’, huwa insult kbir għal kull student tal-arti, edukatur u professjonist li jaħdem fis-settur kulturali Malti,” sostniet l-organizzazzjoni.
Il-kritika tirrigwarda kummenti li Agius Galea għamel waqt il-Festival of Ideas, fejn qal li l-espressjoni artistika u l-kreattività għandu jkollhom ċerti limiti u li l-artisti għandhom jagħrfu d-differenza bejn it-tajjeb u l-ħażin.
Il-Ministru kien wissa wkoll li l-arti tista’ tinfluwenza lill-pubbliku b’mod negattiv meta l-ideat li twassal ikunu distorti.
“L-arti mhijiex theddida li trid tiġi kkontrollata”
Studenti Graffitti ċaħdet l-idea li l-espressjoni artistika għandha tkun limitata minn normi stabbiliti, u sostniet li l-kreattività u l-ħsieb kritiku huma elementi fundamentali tal-edukazzjoni artistika.
“L-arti mhijiex passatemp li għandu jbaxxi rasu quddiem in-‘normi’, u lanqas hija theddida li trid tiġi kkontrollata. Hija pilastru essenzjali ta’ soċjetà demokratika,” qalet l-organizzazzjoni.
Hija argumentat li m’hemmx definizzjoni waħda ta’ x’jikkostitwixxi l-arti u l-kultura, u li għalhekk l-Istat m’għandux jieħu r-rwol li jiddeċiedi liema forom ta’ espressjoni artistika huma aċċettabbli.
Skont Studenti Graffitti, approċċ bħal dan huwa intrinsikament awtoritarju u jmur kontra l-libertà tal-espressjoni.
L-organizzazzjoni qalet ukoll li l-arti, il-kreattività u x-xjenza m’għandhomx jitqiesu bħala oqsma separati, għaliex huma marbutin ma’ xulxin u jikkontribwixxu għall-innovazzjoni u l-iżvilupp tas-soċjetà.
Tiddefendi l-fondi pubbliċi għall-artisti
Studenti Graffitti kkontestat ukoll il-kummenti tal-Ministru dwar il-ħtieġa li l-produzzjonijiet artistiċi jirċievu għajnuna finanzjarja mill-Gvern.
Agius Galea kien staqsa għaliex artisti jfittxu finanzjament pubbliku għall-produzzjonijiet tagħhom, u ssuġġerixxa li avvenimenti li jattiraw udjenzi kbar għandhom ikunu kapaċi jkopru l-ispejjeż tagħhom stess.
L-organizzazzjoni sostniet li l-investiment pubbliku fl-arti huwa meħtieġ biex jiġu sostnuti r-riċerka artistika, l-esperimentazzjoni u l-involviment tal-komunitajiet.
Skontha, il-valur tal-arti ma jistax jitkejjel biss skont il-profitt kummerċjali li tiġġenera.
“Dan jiżgura li l-kultura tkun ta’ kulħadd, u mhux biss ta’ dawk li qed ifittxu profitt kummerċjali jew li għandhom il-mezzi finanzjarji,” qalet.
Studenti Graffitti enfasizzat ukoll il-ħtieġa li jitneħħew l-ostakli finanzjarji, sistemiċi u ġeografiċi li jżommu liż-żgħażagħ mill-klassi tal-ħaddiema u lill-komunitajiet emarġinati milli jipparteċipaw fl-attivitajiet kulturali.
“Is-settur għandu bżonn min jiddefendih, mhux min jikkritikah”
L-organizzazzjoni qalet li d-deskrizzjoni tal-ewwel xhur tal-Ministru fil-kariga bħala esperjenza trawmatika tqajjem mistoqsijiet dwar kemm huwa adattat biex imexxi s-settur.
Hija sostniet li jekk Agius Galea ma jistax jirrispetta lill-artisti Maltin u n-natura tax-xogħol tagħhom, għandu jirriżenja.
“It-tmexxija tas-settur artistiku teħtieġ persuna li tiddefendih u tkun alleata tiegħu, mhux kritiku li jħossu skomdu bin-natura tal-industrija tagħna,” temmet tgħid Studenti Graffitti.
L-istqarrija appoġġjata minn diversi għaqdiet studenteski
Il-pożizzjoni ta’ Studenti Graffitti ngħatat l-appoġġ ta’ għadd ta’ organizzazzjonijiet, fosthom il-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), Studenti Demokristjani Maltin (SDM) u JEF Malta.
Fost l-organizzazzjonijiet l-oħra li approvaw l-istqarrija hemm id-Design Students Association (DESA), Betapsi, il-Computer and Systems Engineering Students' Association (CASA), Għaqda Studenti tat-Teoloġija (GħST), l-Information and Communication Technology Students' Association (ICTSA), il-Junior Chamber of Accountancy (JCA), l-Engineering Students Association (ESA), l-University of Malta Pharmacy Students' Association (UPSA), il-Media and Knowledge Sciences Students' Association (MKSA), is-Science Students' Society (S-Cubed) u Għaqda Studenti tal-Liġi (GħSL).
