Il-Kap Deputat tal-Partit Nazzjonalista Mark Anthony Sammut din il-ġimgħa poġġa mistoqsija diretta dwar il-mod kif qed jitmexxew ċerti prosekuzzjonijiet kriminali.
F’intervista mal-ILLUM, Sammut qal li “kważi kull ġimgħa” jinstemgħu każijiet fejn akkużi jaqgħu “minħabba żball fid-data jew għax ikun ġie kkwotat artikolu ħażin tal-liġi”.
Huwa semma fost oħrajn il-każ tal-avukati ta’ Yorgen Fenech, każ ieħor li rrefera għalih bħala dak “tat-Topo”, kif ukoll kwistjonijiet marbuta ma’ freezing order fuq Keith Schembri u attachment order fuq Clayton Bartolo.
L-allegazzjoni politika ta’ Sammut tmur lil hinn minn sempliċi kritika dwar inkompetenza. Huwa sostna li meta żbalji bħal dawn jirrepetu ruħhom, “in-nies jibdew jistaqsu jekk humiex verament biss żbalji”.
Iżda x’juru l-każijiet?
Meta artikolu ħażin tal-liġi jispiċċa jkun deċiżiv
Wieħed mill-aktar każijiet ċari huwa dak tal-Avukati Gianluca Caruana Curran u Charles Mercieca.
It-tnejn kienu tressqu fuq allegazzjonijiet ta’ attentat ta’ tixħim ta’ ġurnalist, iżda l-proċeduri spiċċaw f’ħelsien wara problema fin-nota ta’ rinviju tal-Avukat Ġenerali.
Il-Qorti osservat li filwaqt li l-allegazzjoni kienet tirrigwarda forma ta’ tixħim attiv, in-nota tal-Avukat Ġenerali kienet irreferiet għal dispożizzjoni oħra tal-liġi.
Il-ħelsien tagħhom sussegwentement ġie kkonfermat fl-appell.
Dan huwa wieħed mill-każijiet li Sammut innifsu semma meta mistoqsi liema żbalji kien qed jirreferi għalihom.
Deċiżjoni tal-AG annullata mill-Qorti
F’Mejju ta’ din is-sena, każ differenti poġġa taħt skrutinju mhux dokument tekniku iżda deċiżjoni prosekutorjali tal-Avukat Ġenerali stess.
Fil-każ ta’ Emma Agius, l-Imħallef Mark Simiana annulla d-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali li ma tipproċedix kontra eks care worker ta’ Mount Carmel Hospital fuq allegazzjoni ta’ stupru.
Il-Qorti sabet li r-raġunament dwar il-kunsens kien difettuż u li d-deċiżjoni ma kinitx waħda raġonevoli, u ordnat lill-Avukat Ġenerali terġa’ tikkunsidra l-każ.
Dan ma kienx każ fejn akkuża “waqgħet” minħabba typo jew żball fid-data, iżda huwa eżempju ċar fejn deċiżjoni direttament attribwibbli lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali ma għaddietx mill-iskrutinju ġudizzjarju.
Matul din is-sena kien hemm ukoll każijiet fejn akkużati ġew illiberati minħabba dettalji żbaljati fl-akkużi jew minħabba li tressqu taħt artikolu ħażin tal-liġi.
F’każ deċiż f’Awwissu, pereżempju, Tonio Aquilina ġie lliberat wara li l-Qorti sabet li l-provi setgħu jindikaw reat differenti minn dak li bih kien ġie akkużat.
Il-Qorti osservat li l-prosekuzzjoni kienet ressqitu taħt Artikolu 188 tal-Kodiċi Kriminali, filwaqt li l-fatti setgħu jaqgħu taħt dispożizzjoni oħra. Dan wassal għall-ħelsien tiegħu.
Iżda dak il-każ ma jistax awtomatikament jitqiegħed fuq il-kont tal-Avukat Ġenerali. F’ħafna każijiet quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, l-akkużi jkunu tressqu mill-Pulizija.
Għalhekk, biex tiġi ttestjata b’mod ġust l-affermazzjoni ta’ Sammut dwar l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, jeħtieġ issir distinzjoni bejn żball tal-Pulizija, żball tal-prosekuzzjoni tal-AG, żball ġudizzjarju u każ li sempliċement ma jkunx ġie ppruvat lil hinn minn kull dubju raġonevoli.
Il-każijiet li Sammut qed isemmi
Fl-intervista tiegħu, Sammut indika wkoll problemi relatati ma’ ordnijiet ta’ ffriżar jew ta’ sekwestru.
Fil-każ ta’ Clayton Bartolo, ordni temporanja fuq l-assi tiegħu kienet oriġinarjament inħarġet wara talba tal-Avukat Ġenerali, b’rabta ma’ investigazzjoni fuq suspett ta’ ħasil ta’ flus.
Aktar tard, l-ordni fuq Bartolo tneħħiet mingħajr oġġezzjoni, filwaqt li dik relatata ma’ martu baqgħet fis-seħħ.
L-aktar parti konkreta tal-istqarrija ta’ Sammut hija proprju l-frekwenza li jsemmi.
Jekk “kważi kull ġimgħa” qed jaqgħu akkużi minħabba żbalji fid-data jew artikoli ħżiena tal-liġi, dan għandu jkun possibbli li jiġi vverifikat permezz tas-sentenzi tal-qrati.
Il-mistoqsija għalhekk mhijiex biss jekk seħħewx żbalji.
Hija kemm-il darba seħħew, f’liema tip ta’ każ, min kien responsabbli għalihom, u kemm minnhom kellhom effett dirett fuq l-eżitu tal-proċeduri.
Dan huwa wkoll fejn l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali jista’ jipprovdi stampa aktar ċara.
Il-każijiet magħrufa diġà juru li żball f’artikolu tal-liġi jew deċiżjoni prosekutorjali jista’ jkollu konsegwenzi konkreti.
Dak li għadu jrid jiġi stabbilit huwa jekk dawn humiex każijiet iżolati — jew jekk, kif qed jallega Sammut, humiex parti minn problema aktar frekwenti.