L-għarqub ta’ Akille ta’ Robert Abela
Dak li qed jiġri madwar Buttigieg jista’ jkun wieħed mill-ftit punti fejn il-korazza politika li biha Abela jidher kważi impermeabbli qed issib l-għarqub ta’ Akille tagħha
minn Staff Reporter
Għal Robert Abela, Johann Buttigieg ilu żmien ħafna aktar minn sempliċi uffiċjal tal-Gvern. Huwa sar simbolu ta’ viżjoni partikolari tal-ippjanar f’Malta: Awtorità tal-Ippjanar li trid tħaffef il-permessi, tnaqqas l-ostakli għall-iżvilupp u żżomm il-magna tal-kostruzzjoni ddur.
Dak li qed jiġri madwar Buttigieg jista’ jkun wieħed mill-ftit punti fejn il-korazza politika li biha Abela jidher kważi impermeabbli qed issib l-għarqub ta’ Akille tagħha.
Għaxar NGOs talbu t-tkeċċija tiegħu u saħansitra azzjoni kriminali, filwaqt li grupp ta’ 13-il assoċjazzjoni ta’ residenti għamlu talba simili. Aktar tard, koalizzjoni ta’ għaqdiet ambjentali u residenti bagħtet ittra direttament lil Abela titlob it-tneħħija ta’ Buttigieg u investigazzjoni indipendenti.
U l-kampanja ma waqfitx hemm. Fl-aħħar jiem, Moviment Graffitti u Friends of the Earth Malta interrompew konferenza dwar “iċ-ċittadin, l-ambjent u l-iżvilupp” fejn Buttigieg kellu jipparteċipa, filwaqt li l-Kamra tal-Periti stess qajmet mistoqsijiet dwar kunflitti ta’ interess, fosthom il-fatt li Buttigieg huwa direttur ta’ kumpanija ta’ konsulenza fil-qasam tal-ippjanar u l-arkitettura waqt li jokkupa l-kariga ta’ Executive Chairman tal-PA.
Madwar Buttigieg issa hemm dibattitu usa’ dwar il-kredibbiltà tal-PA, il-konflitti ta’ interess u r-relazzjoni bejn regolatur u industrija li r-regolatur suppost jissorvelja. Il-fatt li saħansitra l-Kamra tal-Periti ħasset il-ħtieġa li titkellem dwar kunflitti ta’ interess juri kemm il-kwistjoni kibret lil hinn mill-attiviżmu ambjentali.
U din hija l-ikbar problema ta’ Abela. Jekk ineħħi lil Buttigieg, jidher li ċeda. Jekk iżommu, kull kontroversja ġdida madwar il-PA se terġa’ tispiċċa fuq l-iskrivanija tiegħu.
Iktar ma jipprokrastina, iktar issir diffiċli li joħroġ minn dil-kwistjoni mingħar tajn fuq wiċċu.
Il-pressjoni fuq Abela żdiedet wara li ġew ippubblikati b’mod sħiħ il-konversazzjonijiet ta’ WhatsApp bejn Buttigieg u Yorgen Fenech fl-2019. Il-messaġġi kienu diġà ġew irrappurtati fl-2021, iżda t-traskrizzjonijiet sħaħ reġgħu ħadu prominenza wara li partijiet minnhom inqraw quddiem il-ġurija fil-proċess ta’ Fenech dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia.
Dan id-dettall huwa importanti. Mhuwiex korrett li jingħad li l-messaġġi kienu żvelati għall-ewwel darba biss waqt it-testimonjanza fil-proċess. Kienu diġà magħrufa pubblikament. Iżda l-proċess tahom piż ġdid, għaliex il-konversazzjonijiet reġgħu tqiegħdu fil-kuntest tar-relazzjonijiet ta’ Fenech ma’ nies f’pożizzjonijiet ta’ poter.
U dak li ħareġ mhuwiex komdu.
F’messaġġ minnhom, Fenech ippropona li hu u Buttigieg “jagħmlu ftit negozju” flimkien u Buttigieg wieġeb li kien lest jidħol fin-negozju miegħu “fejn trid”. F’konversazzjoni oħra, Fenech talab informazzjoni dwar proġett ta’ Joseph Portelli li kien se jiġi quddiem il-bord. Il-prosekuzzjoni argumentat li din kienet informazzjoni li setgħet tagħti vantaġġ lil Fenech. Fenech, meta xehed, ċaħad li kien hemm xi vantaġġ mhux xieraq.
Il-problema politika għal Abela hija li dawn mhumiex sempliċement messaġġi qodma li jistgħu jitpoġġew fil-kexxun tal-istorja. Buttigieg illum jinsab mill-ġdid fit-tmun tal-Awtorità tal-Ippjanar, wara li Abela reġa’ tah dan ir-rwol fl-2025.
Din mhijiex l-ewwel darba li Buttigieg kien fiċ-ċentru tal-kritika.
Fl-2018, kien hu li awtorizza nefqa ta’ €8,750 biex membru tal-bord tal-PA jinġieb Malta b’jet privat minn vaganza fi Sqallija biex jattendi l-vot fuq il-proġett kbir tad-db Group f’Pembroke. Il-membru vvota favur il-proġett u mbagħad irritorna lura Sqallija.
Imbagħad kien hemm ir-relazzjoni professjonali ma’ Michael Stivala, president tal-Malta Developers Association, li għalih Buttigieg kien jaħdem bħala konsulent qabel ma reġa’ ngħata l-kariga regolatorja. Fl-2025, ADPD kienet talbet investigazzjoni mill-Kummissarju għall-Istandards dwar dan ir-revolving door.
Hawnhekk tidħol ukoll l-ironija politika u istituzzjonali. Avukat li kien qed jidher parte civile għall-familja Caruana Galizia fil-proċess ta’ Fenech kien – bħal Buttigieg – konsulent għal Stivala.
Għal Abela, għalhekk, Buttigieg mhuwiex sempliċement Johann Buttigieg. Huwa marbut mal-mod kif il-Prim Ministru stess jidher li jħares lejn il-politika tal-ippjanar: aktar permessi, aktar żvilupp, inqas dewmien.
U proprju għalhekk it-tneħħija tiegħu saret tant diffiċli.
Wara li Abela ddefendieh għal tant żmien, u wara li l-Gvern baqa’ jiġġustifika d-deċiżjonijiet dwaru, li jitneħħa issa jkun ifisser li l-Prim Ministru jidher li ċeda quddiem il-pressjoni tal-NGOs. Ikun ifisser ukoll li jitlef wieħed mill-aktar amministraturi identifikati mal-politika tiegħu ta’ żvilupp u ta’ tħaffif tal-proċess tal-permessi.
U hemm problema oħra: min jista’ jieħu post Buttigieg mingħajr ma l-bidla tidher bħala ammissjoni li l-għażla oriġinali kienet żbaljata?
Abela għalhekk jista’ jipprova jixtri ż-żmien. Jista’ jippreżenta riforma ġdida tal-ippjanar. Jista’ jipprova jibdel id-diskussjoni mill-persuna għall-istituzzjoni. Jista’ jargumenta li l-messaġġi huma qodma u li l-ebda proċedura kriminali ma nibtet minnhom.
Għax fl-aħħar mill-aħħar, din m’għadhiex biss kwistjoni dwar Johann Buttigieg iżda dwar x’tip ta’ Awtorità tal-Ippjanar irid Robert Abela — u jekk hux lest iħallas il-prezz politiku biex iżomm il-persuna li, għal ħafna, saret l-aktar rappreżentazzjoni viżibbli ta’ dik il-politika.
