Dalgħodu, għall-ħabta tal-11:45 a.m, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza għax kien seħħ inċident f’sit ta’ kostruzzjoni fi Triq Manwel Magro, f’Marsalforn.
Il-Pulizija marret minnufih fuq il-post u minn stħarriġ preliminari rriżulta li ħaddiem Sirjan ta’ 46 sena, weġġa’ wara li waqa’ għoli ta’ madwar erba’ sulari waqt li kien qed jagħmel xi xogħol.
Fuq il-post issejħu l-membri tal-Protezzjoni Ċivili u tim mediku sabiex jassistu lir-raġel li ttieħed permezz t’ambulanza l-Isptar Ġenerali t’Għawdex. Aktar tard, hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn ġrieħi serji.
Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-Għassa Dr Bridgette Sultana LL.D li ħatret inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.