Żieda xokkanti fir-rapporti ta’ abbuż fuq tfal… Minn 100 każ fix-xahar għal kważi 180

‘Qed nilħqu tfal li ħafna drabi jkunu abbużati fis-silenzju’ - Steve Libreri jgħid mal-gazzetta ILLUM f’kummenti dwar il-ħidma tad-Direttorat tas-Servizzi tal-Protezzjoni tat-Tfal

X’nifhmu meta ngħidu abbuż fuq it-tfal? Ħafna jaħsbu swat, tgħajjir jew stupru, iżda l-abbuż fuq il-minuri jista’ jkun negliġenza, fosthom li ma jintbagħtux l-iskola jew għand it-tabib jekk ikunu ma jifilħux. L-abbuż jista’ jieħu l-forma ta’ pika bejn il-ġenituri li qed jisseparaw, li biex iweġġgħu lil xulxin jużaw lil uliedhom.

Dawn ix-xenarji jiġru f’Malta u ta’ spiss. Tant hu hekk li fl-aħħar sena Malta rat każi rekord ta’ rapporti ta’ abbuż. Kien għalhekk li l-gazzetta ILLUM tkellmet mad-Direttur tas-Servizzi ta’ Protezzjoni tat-Tfal Steve Libreri fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS).

Kuntrarju għal diversi rapporti fuq il-midja soċjali li hemm 180 rapport ta’ abbuż kull xahar huwa stqarr li “l-medja mhix ta’ 180 fix-xahar però l-agħar xahar ta’ rapporti kien viċin dik iċ-ċifra, madankollu in-numri ta’ kull xahar ma jkunux ‘il bogħod. Sa’ sentejn ilu konna nirċievu 100 jew 120 fix-xahar … illum nirċievu aktar minħabba r-rapportar obbligatorju.”

Apparti minn hekk Steve Libreri sostna li bħalissa hemm 20 każ pendenti li qed jinstema’ quddiem il-Qorti tal-Minorenni biex jiġu protetti t-tfal.  “20 każ quddiem il-Qorti li ma jinkludix dawk it-tfal li jiġu bid-dgħajsa mingħajr il-ġenituri … Għax jekk ninkludu dawk, hemm 90 każ ieħor.”

X’inhu r-rapportar obbligatorju?

Il-liġi tal-Protezzjoni tal-Minuri daħlet fis-seħħ fis-sena 2020, meta din saret obbligatorja li professjonisti li jaħdmu ma’ tfal, bħalma huma terapisti, għalliema, ħaddiema tac-childcare eċċ, għandhom jaġixxu fl-aħjar interess tat-tfal u huma obbligati li jirrapportaw jekk ikollhom xi suspett li t-tfal huma f’riskju ta’ periklu.

“Biex rapport ikun eliġibbli u jasal fid-Dipartiment it-tfal iridu jkunu vittma ta’ mill-anqas abbuż wieħed. Dan jista’ jkun fiżiku, sesswali, grooming sesswali, jew traskuraġni. Ikun hemm ukoll l-abbuż emottiv fejn b’mod sistematiku u krudili adult qed ikisser lit-tfal mentalment fosthom bl-insulti.  Ġieli nħarsu wkoll lejn il-‘vicarious abuse’ fejn adult jipprova jweġġa’ lil adult ieħor, li jista’ jkun eks-sieħeb u jgħawwi lit-tfal kontrih,” spjega Libreri.

‘L-abbuż sesswali mhux rari lanqas’

Id-Direttur saħaq li statistikament, l-aktar l-abbuż komuni huwa dak emottiv għaliex kważi kull forma ta’ abbuż ieħor jiġi akkumpanjat minn abbuż emottiv. “Jekk jien qed nippreparak għas-sess hemm abbuż emottiv. Għandna problema ta’ ġenituri li jbatu minn sustanzi, il-konsegwenza ta’ dan hu li jkollhom ibatu t-tfal għax ma jkollhomx struttura. L-abbuż sesswali mhux rari lanqas,” qal Libreri.

Huwa qal ukoll li xogħolhom bħala dipartiment hu li jinvestigaw dawn ir-rapporti kollha. Jgħid li jkun hemm ċirkustanzi oħra fejn jivverifikaw li jkun hemm xi ħaġa li marret ħażin fil-familja iżda l-familja tkun għaddejja fit-triq it-tajba u jkunu qed jagħmlu t-terapija. “Imbagħad ikun hemm familji li mhux talli fihom nsibu diżastru talli nsibuhom li ma jkunux iridu jaħdmu magħna, ir-riskju jkun għoli u saħansitra jkollna mmorru l-Qorti.”

Xi proċess jiskatta meta jsir rapport ta’ abbuż?

Libreri wieġeb li l-proċedura bażika hija li kull rapport jgħaddi għand tim ta’ professjonisti u social workers fejn dawn jagħmlu investigazzjoni fuq l-individwi kkonċernati. Dawn saħansitra jagħmlu telefonati fuq kull rapport biex jiġbru aktar informazzjoni minn xi agenziji jew mill-Pulizija biex isiru jafu aktar. Wara li jkun hemm perjodu ta’ ħamest ijiem biex jaraw jekk il-każ għandux jiġi investigat, hemm jidħol it-tieni fażi ta’ assessjar.

“Kull każ huwa totalment differenti.  Kull każ narawh fuq il-mertu tiegħu u nużaw għoddod differenti u dan jiddependi mill-każ kif ikun. L-għoddod tekniċi huma varji. Eżempju niġbru informazzjoni minn terzi bħalma huma l-iskejjel u l-Pulizija, nagħmlu homevisits mingħajr avviż, immoru filgħodu kif ukoll mal-lejl kif ukoll nitkellmu wkoll mat-tfal fl-iskola. Ġieli nagħmlu ttestjar psikoloġiku kif ukoll nitolbu test tal-awrina. Kull każ jiġi rivedut minn social worker li jibqa’ jinvestiga darbtejn fix-xahar,” żied Libreri.

‘Bil-liġi l-ġdida neħħejna ostaklu’

“Jiena jiddispjaċini wisq ngħid li ġieli jkun hemm ġenituri li minħabba l-pika ta’ bejniethom, ma jiffirmawx lit-tfal tagħhom biex ikollhom għajnuna psikoloġika. Ġieli dawn it-tfal ta’ 16-il sena jibżgħu jitkellmu mal-ġenituri tagħhom u jibqgħu ma jfittxux l-għajnuna. Minn dak il-lat, fl-opinjoni tiegħi din l-emenda hija tajba”, kompla Libreri.

Huwa kien qiegħed jirreferi għall-waħda minn numru ta’ emendi fil-liġijiet għall-benesseri tal-minuri, fejn minuri ta’ 16-il sena jistgħu jfittxu l-għajnuna psikoloġika mingħajr il-kunsens tal-ġenituri. Madankollu huwa jgħid li għad għandna dilemma li għanda ma solvejnihiex hekk kif tfal oħra ta’ età iżgħar xorta għadhom vittmi ta’ pika.

Minkejja dan Libreri temm jgħid li din il-liġi għamlet differenza kbira u “neħħejna ostaklu. Qed nilħqu tfal li ħafna drabi jkunu abbużati fis-silenzju.”

Dawn huma l-emendi fil-liġijiet li jitrattaw l-abbuż fuq it-tfal fuq fuq kif approvati mill-Parlament ftit ġimgħat ilu biss:

X’inhuma l-emendi fil-liġijiet kontra l-abbuż fuq il-minuri?

  • Preżentament, meta wieħed iħares lejn il-leġislazzjoni, minorenni, sal-età ta’ 16-il sena li għamlu reat jitressqu l-Qorti tal-Minorenni. Issa qed jiġi propost li l-età titla’ għal 18-il sena.
  • Fejn qabel żgħażagħ ta’ 16-il sena setgħu jitolbu għal għajnuna medika mingħajr kunsens tal-ġenituri, issa se jkunu jistgħu jitolbu għall-għajnuna psikoloġika u counselling ukoll mingħajr dan il-kunsens.
  • L-emenda turi biċ-ċar li dawk il-persuni li jieħdu lil minuri lil hinn minn xtutna mingħajr permess,  għal aktar minn tliet ijiem,  ikunu qed iwettqu reat kriminali. Dan b’mod partikolari jekk ikun hemm ordni tal-kustodja jew child care order.
  • F’din l-emenda, twessgħet id-definizzjoni tat-terminu stupru. B’hekk issa l-istrupru, legalment, jiġi kkategorizzat fi tlieta:  Att sesswali bla kunsens permezz ta’ organu sesswali;  Att sesswali bla kunsens b’użu ta’ parti ieħor tal-ġisem u Att sesswali bla kunsens b’oġġett.
  • Fid-dinja tal-qrati jeżisti t-terminu ta’ preskrizzjoni. Dan ifisser li l-vittma għandha perjodu ta’ snin fejn tista’ tibda’ process legali kontra l-agressur tagħha.  L-att dwar il-preskrizzjoni jgħid li persuna għandha ċans 25 sena wara li tkun għalqet 18-il sena biex tibda’ l-proċessi kontra l-agressur. Madankollu, permezz tal-emenda issa l-età se tkun ta’ 23 sena. Jiġifieri persuna għandha ċans 25 sena biex tibda’ l-proċessi minn wara li tagħlaq 23 sena (sakemm ikollha 48 sena).
  • Mil-lat ta’ reati aggravati l-liġi tgħid li, eżempju, f’każ ta’ akkużat li jkun stupra lil xi ħadd kif ukoll kien hemm xi swat, l-iswat ikun akkuża aggravata separata. Minkejja dan, issa l-emenda se tqis kollox bħala reat wieħed.
  • Illum, mhux biss titqies bħala reat jekk ikun hemm intermedjajru biex il-minuri jiġu sfruttati, fil-każ ta’ grooming sesswali, iżda huwa reat kriminali wkoll li persuna tipperpetwa r-reat bil-ħsieb li jkun hemm att sesswali.  Grooming sesswali huwa meta wieħed joħloq relazzjoni ma’ persuna minorenni bil-għan li eventwalment il-vittma tagħmel atti sesswali mal-agressur.  Ir-reat kriminali mhux se jkun limitat biss għal komunikazzjoni bejn iż-żewġ persuni, iżda wkoll f’każ li jkun hemm xi ħsibijiet biex jiltaqgħu darba oħra, fejn jistgħu isiru reati sesswali.
  • Issa persuna ħatja ta’ bestjalità, jiġifieri att sesswali bejn uman u annimal,  se tinstab ħatja bi trattament inġust fuq l-annimal u dan huwa punibbli taħt l-Att tal-Ħarsien tal-Annimali.

More in Kronaka