L-abbuż sesswali: ‘Il-problema mhix meta t-tfal joħorġu iżda meta joqogħdu d-dar’

Emendi ġodda fil-liġijiet tal-abbuż sesswali, stupru, bestjalità u li jagħtu aktar poter lill-minorenni. L-ILLUM tistaqsi lil Ministru Edward Zammit Lewis; X’wassal għal dawn l-emendi? Saru għax il-liġi ma kinitx tipproteġi biżżejjed lill-vittmi?

“Il-pandemija aċċentwat kemm in-nies ikkomunikaw bl-internet u l-grooming sesswali sar aktar predominanti,” hekk qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Ugwaljanza u Governanza Edward Zammit Lewis. Dan wara li din il-gazzetta staqsietu fuq għadd ta’ emendi leġislattivi fir-rigward tal-minuri, il-bestjalità u r-reati sesswali li ġew diskussi fil-Parlament din il-ġimgħa. 

 X’inhuma dawn l-emendi? Kif ser jolqtuk? Se jħallu impatt?  

X’ġara mill-liġijiet tal-minorenni? 

Il-Qorti tal-Minorenni 

Preżentament, meta wieħed iħares lejn il-leġislazzjoni, minorenni, sal-età ta’ 16-il sena li għamlu reat jitressqu l-Qorti tal-Minorenni. Issa qed jiġi propost li l-età titla’ għal 18-il sena.  

Il-Ministru spjega li, “issa żgħażagħ ta’ 18-il sena qed jitqiesu minuri u dan biex ma jgħaddux mill-proċess ġudizzjarju. Dawn se jiġu trattati ta’ minuri għal skopijiet ta’ rijabilitazzjoni u ta’ re-integrazzjoni fis-soċjetà.”  

Għalhekk din il-gazzetta staqsiet ‘allura ż-żgħażagħ ta’ 20 sena m’għandhomx jingħataw ir-rijabilitazzjoni?’ 

Għal dan il-Ministru wieġeb li “r-rijabilitazzjoni dejjem tajba, kemm jekk għandhom 20 sena, 18-il sena jew 16. Iżda min-naħa l-oħra jekk ma taqtax linja l-liġijiet ma jagħmlux sens. Li ppruvajna nagħmlu fl-emendi hu li naqtgħu sitwazzjonijiet li huma ċari, ma jfissirx li persuni li għandhom etajiet akbar ma jingħatawx is-servizzi soċjali li hemm bżonn.” 

Għajnuna psikoloġika mingħajr kunsens 

Fejn qabel żgħażagħ ta’ 16-il sena setgħu jitolbu għal għajnuna medika mingħajr kunsens tal-ġenituri, issa se jkunu jistgħu jitolbu għall-għajnuna psikoloġika u counselling ukoll mingħajr dan il-kunsens.  

“Hija xprunata minn sitwazzjoni li konna qed niltaqgħu magħha. Kien ikollok minuri ta’ 16-il sena li verament ikollhom bżonn l-għajnuna u jkollhom diżgwid mal-ġenituri tagħhom u l-ġenituri ma kinux jagħtu l-kunsens biex jirċievu l-għajnuna,” qal il-Ministru Zammit Lewis.  

Ħtif lejn pajjiżi barra minn Malta 

L-emenda turi biċ-ċar li dawk il-persuni li jieħdu lil minuri lil hinn minn xtutna mingħajr permess,  għal aktar minn tliet ijiem,  ikunu qed iwettqu reat kriminali. Dan b’mod partikolari jekk ikun hemm ordni tal-kustodja jew child care order.  

Il-Ministru Zammit Lewis spjega li dan huwa reat serju u għaldaqstant japplika anke l-European Arrest Warrant (EAW), f’kull Qorti tal-Unjoni Ewropea (UE) u l-persuna arrestata tista’ terġa tittieħed fil-pajjiż li minnu ġejja.   

 Ir-reati sesswali 

Permezz ta’ din l-emenda, twessgħet id-definizzjoni tat-terminu stupru. Il-Ministru tal-Ġustizzja jgħid li, “l-istupru li għandna fis-soċjetà moderna ta’ llum mhux l-istess wieħed klassiku li naraw antikament fid-definizzjonijiet legali.”  

B’hekk issa l-istrupru, legalment, jiġi kkategorizzat fi tlieta:  

* Att sesswali bla kunsens permezz ta’ organu sesswali;  

* Att sesswali bla kunsens b’użu ta’ parti ieħor tal-ġisem u 

* Att sesswali bla kunsens b’oġġett. 

Minn naħa l-oħra kien hemm emenda oħra fejn jidħol l-istupru. Fid-dinja tal-qrati jeżisti t-terminu ta’ preskrizzjoni. Dan ifisser li l-vittma għandha perjodu ta’ snin fejn tista’ tibda’ process legali kontra l-agressur tagħha.  

Il-Ministru Zammit Lewis saħaq li, “nifhmu li diffiċli li wieħed jirrapporta għaliex ħafna mid-drabi jkunu problemi familjari.” 

Bħalissa, l-att dwar il-preskrizzjoni jgħid li persuna għandha ċans 25 sena wara li tkun għalqet 18-il sena bien tibda’ l-proċessi kontra l-agressur. Madankollu, permezz tal-emenda issa l-età se tkun ta’ 23 sena. Jiġifieri persuna għandha ċans 25 sena biex tibda’ l-proċessi minn wara li tagħlaq 23 sena (sakemm ikollha 48 sena).  

Mil-lat ta’ reati aggravati l-liġi tgħid li, eżempju, f’każ ta’ akkużat li jkun stupra lil xi ħadd kif ukoll kien hemm xi swat, l-iswat ikun akkuża aggravata separata. Minkejja dan, issa l-emenda se tqis kollox bħala reat wieħed.  

Għal dan l-ILLUM staqsiet; ‘imma għaliex?’ 

“Din l-emenda ġiet xprunata minn sentenza tal-Qorti tal-appelli kriminali minn deċiżjoni tal-Imħallef Consuelo Scerri Herrera. Ma jistax ikun hemm; tlieta jew erba’ reati gravi u l-piena togħla bi grad għax int se jkollok sitwazzjoni fejn il-piena tant titla’ li meta jkollok persuna responsabbli minn reat sesswali ikollu għomru l-ħabs, filwaqt li persuna li toqtol teħel inqas,” wieġeb Zammit Lewis.  

Minn naħa l-oħra liġi oħra li mistennija tinbidel hi tal-grooming sesswali. Il-Ministru spjega li llum il-ġurnata qed ngħixu f’realtà fejn il-midja soċjali hija aċċessibbli għal persuni vulnerabbli fosthom iż-żgħażagħ.  

Għalhekk issa, mhux biss titqies bħala reat jekk ikun hemm intermedjajru biex il-minuri jiġu sfruttati, huwa reat kriminali wkoll li persuna tipperpetwa r-reat bil-ħsieb li jkun hemm att sesswali.  

Grooming sesswali huwa meta wieħed joħloq relazzjoni ma’ persuna minorenni bil-għan li eventwalment il-vittma tagħmel atti sesswali mal-agressur.  

Ir-reat kriminal mhux se jkun limitat biss għal kommunikazzjoni bejn iż-żewġ persuni, iżda wkoll f’każ li jkun hemm xi ħsibijiet biex jiltaqgħu darba oħra, fejn jistgħu isiru reati sesswali.  

B’dawn il-proposti, issa persuna ħatja ta’ bestjalità, jiġifieri att sesswali bejn uman u annimal,  se tinstab ħatja bi trattament inġust fuq l-annimal u dan huwa punibbli taħt l-Att tal-Ħarsien tal-Annimali.  

“L-abbuż sesswali mhux aċċettabbli fuq persuna u lanqas fuq l-annimali. Il-każi huma iżolati iżda kellna każijiet f’dawn l-aħħar sentejn, speċjalment f’Għawdex,” qal Zammit Lewis.  

‘B’dawn l-emendi kollha li saru, qed tammettu li bil-liġijiet preżenti, il-vittma mhux protetta biżżejjed?’ 

“Jiena ma nammetti xejn, il-liġijiet jinbidlu. Il-liġijiet ikunu tajbin, ikun hemm żviluppi. Wieħed jagħmel mill-aħjar li jista’, però wara ċertu żmien, persuna jkollha tirrevedi s-sitwazzjoni kurrenti u tbiddel fejn hemm bżonn. Ma jfissirx li l-liġi kienet ħażina,” temm jgħid il-Ministru Edward Zammit Lewis mal-ILLUM.  

More in Socjali